Beda l-proċess sabiex titfassal politika ġdida għas-suq tax-xogħol f’pajjiżna għas-snin li ġejjin. Dan il-proċess beda waqt ‘business breakfast’ li fih ingħata rendikont ta’ fejn wasslet lill-pajjiżna l-politika li kellu pajjiżna sa mill-2013 sal-lum.
Għal din l-attività kien hemm preżenti numru ta’ partijiet involuti u persuni interessati sabiex jgħidu tagħhom u bl-esperjeza tagħhom fis-suq tax-xogħol iħallu effett fuq il-politika ġdida li ser tkun qed titfassal għas-snin li ġejjin.
Ingħad kif filwaqt li fl-2013 kien hawn ‘il fuq minn 178,000 persuna li jaħdmu, fl-2019 pajjiżna kellu ’l fuq minn 258,000 persuna li għandhom impjieg.
Il-persuni li għandhom ’il fuq minn 61 sena u baqgħu jaħdmu fl-2013 kien ta’ madwar 9,500 persuna. Fl-2019 dan in-numru żdied b’madwar 5,000 persuna għal kważi 15,000 persuna.
In-numru ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu wkoll żdied hekk kif minn madwar 1,800 persuna li għandhom impjieg, fl-2019 dan in-numru kien żdied għal ftit inqas minn 4,000 persuna.
In-numru ta’ tfal li jattendu għal servizzi ta’ childcare ukoll żdied għal kważi 6,500 tifel u tifla. Dan b’differenza għal madwar 1,700 tifel u tifla li kienu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fl-2013.
Din iż-żieda f’persuni jaħdmu u inċentivi li saru sabiex jagħmluha iżjed faċli sabiex persuni jibqgħu fl-impjieg wasslet sabiex mill-2014 sal-lum pajjiżna ra tnaqqis drastiku fin-numru ta’ persuni li għandhom bżonn jibbenefikaw minn assistenza soċjali.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, qal kif lura fl-2013 bosta msieħba soċjali bdew jaħsbu li l-Gvern kien qed jara kbir u li ma kinitx ser tkun possibli li jkun implimentat dak kollu li kien qed ikun propost. Stqarr li dak iż-żmien kien hemm ir-rieda biex il-miżuri kollha jitwettqu. Innota kif kien b’din ir-rieda li dawn iċ-ċifri pożittivi setgħu jkunu possibbli. Innota kif illum ninsabu f’nofs pandemija u l-qgħad f’pajjiżna baqa’ stabbli u issa rritorna għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-Ministru Caruana spjega kif dak iż-żmien kien hemm dubju minn ċertu partijiet kemm il-miżura taċ-childcare b’xejn kienet ser tintuża mill-ġenituri Maltin. Illum innota kif il-miżura taċ-childcare meta bdiet kienet tiswa ‘l fuq minn €4 miljun, illum tant qed tintuża li saret tiswa madwar €25 miljun. Spjega kif pajjiżna ħoloq eluf ta’ impjiegi tul l-aħħar snin. Spjega kif fost l-oħrajn fl-aħħar snin rajna żieda qawwija fil-ħaddiema barranin li llum jammontaw għal 30% tas-suq tax-xogħol tagħna. B’kollox għandna 67,000 ħaddiem barrani fis-suq Malti. Stqarr li biex tkun sostnuta l-ekonomija f’pajjiżna, in-numru ta’ ħaddiema barranin irid ikun sostnut.
Huwa stqarr li madankollu trid issir xi ħaġa u stqarr li issa l-imsieħba soċjali ser ikunu qed jixtarru s-sitwazzjoni sabiex flimkien titfassal politika għas-seba’ snin li ġejjin.
Il-Ministru Caruana qal, “L-akbar sfida li għandna quddiemna hija propju dik li naraw kif kulħadd igawdi mit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna ladarba l-ekonomija tagħna terġa’ tirpilja. Għaldaqstant irrid nara li l-pagi f’pajjiżna jerġgħu jibdew jiżdiedu għal kulħadd.”
Għal dan il-proċess kien hemm preżenti numru ta’ msieħba soċjali li lkoll laqgħu b’mod pożittiv dan il-proċess ta’ tfassil ta’ politika ġdida. Il-President tal-kamra tal-kummerċ il-Perit David Xuereb, stqarr li dan huwa eżerċizzju pożittiv ħafna.
Is-Sur Xuereb sostna: “M’hemmx mument iktar aħjar biex ikollna diskussjoni kif kellna llum ‘ibbackjata’ b’raġunament ta’ numri li tajtna inti dalgħodu, fi sfida ta’ żvilupp ekonomiku ġdid li l-pandemija tatna l-opportunità li nikkunsidraw bis-serjetà, però mingħajr ma nevitaw realtajiet li fihom qegħdin illum, anke fi sfond ta’ żvilupp ekonomiku b’saħħtu li anke drajna li jkollna fl-aħħar ftit snin.”