F’sitt snin mit-twaqqif tiegħu minn Gvern Laburista, il-Bank Malti għall-Iżvilupp ta’ appoġġ finanzjarju ta’ sitt mija, tlieta u għoxrin miljun ewro. Dan tħabbar miċ-Chairman tal-Bank, Leo Brincat, meta t-Tnejn filgħodu nieda r-rapport annwali u l-istrateġija għaż-żmien li ġej tal-Bank Malti għall-Iżvilupp.
Brincat spjega kif il-bank ħareġ diversi skemi, anke li kienu ta’ importanza f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. B’dawn l-iskemi jiġu approvati kemm mill-Unjoni Ewropea u anke l-Gvern.
Il-bank ħareġ nofs biljun ewro fl-iskema ta’ matul il-pandemija, imsemmija COVID-19 Guarantee Scheme, u dan fisser valur miżjud gross fil-ġid nazzjonali ta’ €1.7 biljun, jew 13% minn dak irreġistrat fl-2019, fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan flimkien mas-sussidju li ngħata mill-bank biex ikun issussidjat il-prezz tal-ġwież.
“B’rabta ma’ dawn iż-żewġ issues biss, il-bank iffaċilita nofs biljun ewro, li meta wieħed iqis iċ-ċokon tal-bank, mela aħna m’għandniex ovvjament l-esperjenza tal-banek il-kbar kummerċjali, is-somma tikber akbar fil-proporzjon. Biss, imbagħad, aħna f’oqsma f’livell kumulattiv lill-komunità ffaċilitajna €623 miljun li hi somma sostanzjali ħafna.”
Sostna li l-bank qed jaħdem favur il-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż, fosthom dawk favur il-qalbiet diġitali u ambjentali. Il-viżjoni tal-bank hi li jkun aktar viżibbli fix-xogħol siewi u l-iskemi li joħroġ.
Mir-rapport annwali tal-Bank Malti għall-Iżvilupp ħareġ li s-sena l-oħra dan għen lil kważi 1,300 negozju jew studenti b’self li jlaħħaq il-€81 miljun … żieda fl-investiment ta’ aktar minn €10 miljun, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li l-bank irreġistra profitt ta’ €3.8 miljun fl-2023. Dan filwaqt li anke l-assi tal-bank issaħħu sew, meta s-sena l-oħra ammontaw għal €100 miljun.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan ir-rapport kien hemm ukoll il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Hu qal li l-għajnuna mill-Bank Malti għall-Iżvilupp fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali kienet indispensabbli għan-negozji u tkellem dwar kif il-bank għandu jkompli jissaħħaħ għall-ġejjieni.