Nhar jum il-baġit, il-familji Maltin u Għawdxin taw vot ieħor qawwi ta’ fiduċja fil-finanzi tal-Gvern. Dan meta t-Teżor kellu jagħlaq qasir proċess ta’ applikazzjoni għal xiri ta’ bonds tal-Gvern.
It-Teżor oriġinarjament kien ser jilqa applikazzjonijiet għal xiri ta’ €100 miljun bonds tal-Gvern mit-Tnejn 17 ta’ Ottubru fit-8:30 sa 12:00 tat-Tnejn 24 ta’ Ottubru.
Minflok iżda, sas-14.30 tal-ġurnata meta fetħu l-applikazzjonijiet, it-Teżor kellu jinforma lill-pubbliku li kien serikollu jieqaf jaċċetta applikazzjonijiet għaliex mhux talli kienu nħatfu l-€100 miljun bonds li oriġinarjament ried joħroġ, talli kellu applikazzjonijiet għal ferm aktar minn €60 miljun ewro oħra.
Dan ifisser li, f’inqas minn sitt sigħat, intemm proċess li kien mistenni jdum madwar 170 siegħa. Għalhekk, kull minuta, t-Teżor irċieva medja ta’ nofs miljun ewro f’applikazzjonijiet.
Dan l-interess qawwi fil-bonds tal-Gvern isegwi l-upgrading tar-ratings tal-bonds tal-Gvern Malti minn Standard and Poors nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Dan iċ-ċertifikat pożittiv jagħmel il-bonds tal-Gvern Malti ferm aktar attraenti mal-investituri lokali u internazzjonali.