F’Singapor, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-għalliema f’dan il-pajjiż mhux ħa jibqgħu jużaw iż-Zoom wara li fl-ewwel ġimgħa ta’ lockdown ġraw dawk li kienu deskritti bħala “inċidenti serji ħafna.”
Il-midja f’dan il-pajjiż irrappurtat li kien hemm min tefa’ ritratti oxxeni waqt li kien qed juża din l-app. Kien hemm ukoll min ikkumenta b’mod offensiv u sesswali waqt lezzjoni tal-ġeografija fil-lezzjoni tat-tfajliet.
Dawn l-episodji qanqlu tħassib serju fuq is-sigurtà u l-privatezza ta’ persuna meta tuża din l-app li bħalissa qed tintuża ħafna minħabba l-miżuri li qegħdin jittieħdu sabiex ma tinxtered l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li dawn l-inċidenti huma serji u dwarhom għaddejja investigazzjoni. Huwa ddeskriva din il-miżura bħala prekawzjoni sabiex jiġi evitati episodji simli sakemm tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
Intant, fit-Taiwan u l-Ġermanija ġew introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ Zoom filwaqt li Google qed tipprojbixxi l-verżjoni li tintuża fuq il-laptop minn kompjuters oħrajn.
B’rabta ma’ dan il-kumpanija qed taffaċċja proċeduri legali.