Wara nuqqas ta’ tliet snin, se jkun qed jerġa’ jittella’ l-Malta Airshow.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet, fejn tħabbru dettalji tas-sitta u għoxrin edizzjoni ta’ din l-attività, li se tkun qed tittella’ bejn il-ħamsa u għoxrin u s-sitta u għoxrin ta’ Settembru li ġej.
Dan qed isir permezz ta’ appoġġ finanzjarju ta’ ħamsin elf ewro minn Komunità Malta biex mill-ġdid isir dan l-avveniment tant popolari.
Din is-sena kull min iżur iċ-ċentru tal-airshow f’Park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi triq Ħal Farruġ se jkollu l-opportunità li jitkellem ma’ inġiniera u piloti filwaqt li jara l-ajruplani li se jiġu f’pajjiżna.
Wara nofsinhar imbagħad, l-ajruplani se jkunu qed itellgħu spettaklu fl-akwati tal-kosta tal-Qawra.
Fost dawk li ġejjin għall-wirja akrobatika fl-ajru hemm ajruplani Taljani, Ġermaniżi, Amerikani u Belġjani fost oħrajn u anki se jieħdu sehem ajruplani ċivili ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avjazzjoni Maltija, Joe Ciliberti qal li din is-sena se tkun waħda speċjali għaliex din is-Soċjetà qed tiċċelebra l-ħamsa u għoxrin anniversarju tagħha.
Qal, “Wara nuqqas ta’ tliet snin hemm entużjażmu enormi, fejn hemm ħafna nies ġodda, uċuh ġodda li huma affarijiet kollha li jawguraw li l-futur ta’ dan l-avveniment huwa kważi assigurat.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li din l-attività hija popolari mhux biss mal-Maltin, imma ukoll ma’ turisti li huma interessati fis-settur tal-avjazzjoni.
Qal, “Dan kollu qed isir b’rispett lejn il-protokolli maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sabiex niżguraw li nkomplu nilħqu bilanċ bejn l-ekonomija u l-ħajja tan-nies u nimxu lejn in-normalità.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li permezz tal-investiment ta’ ħamsin elf ewro minn Komunità Malta, attività bħal din mhux biss se tkun qed tiġġenera attività kummerċjali imma tqanqal ukoll interess fis-settur tal-avjazzjoni.
Qal, “Qed ninvestu mill-ġdid f’din in-niċċa ekonomika għax fl-aħħar mill-aħħar is-settur tal-avjazzjoni hija niċċa ekonomika importanti. Komunità Malta se tkun qed toffri dawn il-ħamsin elf ewro, sabiex ikun possibbli li terġa’ tagħmel l-airshow u tiġġenera attività ekonomika pożittiva f’pajjiżna”