Il-karta tal-identità ġdida mistennija tidħol fiċ-ċirkolazzjoni minn Settembru hekk kif bħalissa għaddejja l-aħħar fażi tal-produzzjoni u l-ittestjar tas-software marbut magħha.
Din se tkun mgħammra b’għadd ta’ miżuri ta’ sigurtà ġodda u d-dettalji personali se jkunu fuq karta b’materjal li jagħmilha diffiċli mmens biex wieħed ibagħbas id-dokument mingħajr ma jħalli traċċi.
Mill-ġimgħa d-dieħla se tibda tinħareġ il-karta tal-identità l-ġdida liċ-ċittadini anzjani, u wara se tinħareġ għall-applikanti l-ġodda ta’ 14-il sena.
Karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom.
Dawk eżistenti diġà għandhom standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija biex jipprevjenu aktar il-falsifikazzjoni tad-dokument.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta, innutaw li minbarra l-bidliet estetiċi, id-dokument ta’ identifikazzjoni l-ġdid se jkun aktar sigur, grazzi għall-avvanz fit-teknoloġija li l-Aġenzija għamlet f’dawn ix-xhur li qed isarraf f’aktar tibdil u żvilupp fl-operat.