L-ewwel edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Baned li ser isir fil-Kottonera mistenni jittella’ fit-tieni u fit-tielet ġimgħa ta’ Settembru. Dan tħabbar miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield waqt it-tlugħ tal-polza tal-baned li se jkunu qed jieħdu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-festival. Dan il-festival ġie pospost għal Settembru minn Mejju li għadda.
Glenn Bedingfield qal li s-soċjetajiet tal-baned huma lok fejn ħafna attivisti juru s-sens ċiviku tagħhom billi jaħdmu fil-komunità volontarjament. Il-baned huma parti mill-identità tagħna bħala poplu u joffru pedament sod għal ħafna żgħażagħ kemm fuq livell mużikali u anke amministrattiv.
Il-kunċerti, li se jsiru f’erba’ lokalitajiet fil-Kottonera bejn is-17 u l-25 ta’ Settembru, ġew approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa u ser jittellgħu skont ir-regolamenti maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa.
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri esprima sodisfazzjon li dan il-festival se jservi biex il-baned Maltin jerġgħu jibdew isemmgħu leħinhom fil-pubbliku wara kważi sentejn wieqfa minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Apparti l-poloz tal-baned, tħabbru wkoll l-erba’ kompożizzjonijiet minn kompożituri lokali li ntgħażlu minn panel espert internazzjonali, għax dan il-festival għandu żewġ għanijiet: li jkompli jtejjeb il-kompożizzjonijiet u li jsaħħaħ is-sehem tal-baned.
L-erba’ baned li telgħu bil-polza huma:
- Banda San Ġużepp – Kalkara
- Banda Re Ġorġ V – Mqabba
- Banda Sant’Elena – B’Kara
- Banda San Ġorġ Martri – Qormi
Waqt li l-erba’ kompożizzjonijiet magħżula huma:
- Tarsena Suite – Daniel Vella
- Ġrajjiet il-Bastjun – Carl Borg
- La Battaglia – Etienne Spiteri
- Mill-Gardjola – Raymond Magri
Ritratti: (Fondazzjoni Kottonera)