F’Settembru l-qgħad f’pajjiżna naqas b’madwar 400 ruħ.
Indikaw dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, it-Tnejn filgħodu, hekk kif irrimarkaw li l-persuni jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna jgħoddu d-disa mija ħamsa u ħamsin (955) ruħ.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, dan ifisser li tliet mija sebgħa u disgħin (397) persuna m’għadhomx qed jirreġistraw għax-xogħol.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirrimarka wkoll li l-persuni qiegħda naqsu f’kull faxxa t’età u kemm fost l-irġiel u n-nisa.
Sebgħin punt tmienja fil-mija (70.8%) ta’ dawk jirreġistraw huma rġiel filwaqt li disgħa u għoxrin punt tnejn fil-mija (29.2%) huma nisa.
Naqsu wkoll dawk il-persuni li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal perjodu ta’ 21 ġimgħa u anke dawk li kienu ilhom jirreġistraw sa 52 ġimgħa.
Tnaqqis ikbar ġie rreġistrat fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena.
Intant l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindika li naqsu wkoll il-persuni b’diżabilità li kienu kienu qed jirreġistraw.
It-tnaqqis f’din il-faxxa jammonta għal wieħed u erbgħin (41) persuna meta mqabbel mal-2021, biex b’hekk hemm mitejn wieħed u għoxrin (221) persuna b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol. B’kollox, minn dawn sebgħa u sebgħin punt erbgħa fil-mija (77.4%) huma rġiel filwaqt li l-bqija huma nisa.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindika wkoll kif l-aktar xogħol imfittex bejn dawk li jirreġistraw, kien dak klerikali. Fil-fatt, wieħed u għoxrin fil-mija (21%) tal-irġiel, kienu qed jirreġistraw għal dan ix-xogħol. In-nisa jirreġistraw li fittxew dan ix-xogħol, ammontaw wieħed u erbgħin punt tnejn fil-mija. (41.2%)