Fil-bidu tas-sena skolastika li ġejja t-tfal li telgħin ir-raba’ sena tal-primarja jingħataw it-tablet biex hekk jibda t-tieni ċiklu tat-tqassim ta’ din l-għodda edukattiva u għas-sena skolastika li jmiss ikunu t-tfal fir-raba’ sena u fil-ħames sena tal-primarja li jużaw din l-għodda.
Dan wara li s-sena li għaddiet ingħatat lit-tfal tar-raba’ sena tal-primarja. Kien il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, li ħabbar kif huwa maħsub li bejn Settembru u Ottubru ta’ din is-sena jibda l-proċess li jingħataw it-tablet it-tfal kollha tar-raba’ sena, għas-sena skolastika 2017/2018.
Dan ifisser li jkun beda t-tieni ċiklu, liema ċiklu jerġa’ jirrepeti ruħu fit-tielet sena. Bartolo nnota wkoll kif bdiet l-evalwazzjoni tal-ewwel ftit xhur u l-monitoraġġ ta’ kif intuża t-tablet mit-tfal.
Kien f’Diċembru li għadda li beda t-tqassim tat-tablets lit-tfal kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. Dan wara li f’Settembru 2016, l-għalliema u l-LSAs tar-raba’ sena attendew taħrig fuq din l-għodda edukattiva. Bejn Settembru 2016 sal-ġranet meta t-tfal bdew jirċievu t-tablet, l-għalliema komplew jiġu megħjuna biex jużaw it-tablet waqt it-tagħlim ta’ diversi suġġetti. Kien hemm taħriġ addizzjonali għall-għalliema kumplimentari u anke taħriġ onlajn.
Minn Jannar sa Ġunju 2017, l-għalliema u l-LSAs komplew jingħataw għajnuna u taħriġ minn għalliema speċjalizzati fi ħdan id-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali, fejn ġew identifikati lezzjonijiet li fihom it-tablet intuża bħala għodda biex jintlaħqu l-għanijiet kurrikulari.
Meta fil-Parlament kien qed iwieġeb domanda parlamentari tad-deputat Alex Muscat, il-Ministru Bartolo kompla jfisser kif “matul il-bidu tal-programm jiġifieri f’Novembru 2016, u li tkompla f’Jannar u Frar 2017, saru diversi laqgħat għal ġenituri biex ikunu infurmati fuq din l-għodda u jaraw kif għandhom jgħinu lil uliedhom jużaw it-tablet sew. Saru laqgħat kemm fil-format ta’ lectures kif ukoll oħrajn fejn il-ġenituri attendew il-lezzjoni flimkien mat-tfal tagħhom fil-klassi.”
Iktar minn hekk matul ix-xhur ta’ bejn Frar u Mejju 2017 ġew identifikati l-għalliema u l-LSAs kollha tal-ħames sena mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Dawn ġew imsejħa biex jattendu għat-tieni sensiela ta’ taħriġ indirizzat għal dawn l-edukaturi li ser ikunu qed jaħdmu b’din l-għodda mis-sena skolastika li jmiss. Madwar 500 edukatur attendew għal dan it-taħriġ u ngħataw t-tablet.
Iktar minn hekk anke għalliema prospettivi qed jingħataw it-taħriġ. Tant li ġie ffirmat ftehim mal-Università ta’ Malta biex jintuża t-tablet li qed jitqassam lill-għalliema u lill-istudenti sabiex l-Università jkollha sett ta’ tablets li tista’ tħarreġ lill-għalliema-studenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Tfassal ukoll programm ta’ taħriġ li se jagħtuh għalliema speċjalizzati mid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali. L-ammont ta’ investiment li ntefaq f’dan il-proġett s’issa huwa ta’ €4,864,148.