Ġewwa l-MFCC, Ta’ Qali, fetħet il-Public Service Expo24 b’konferenza għall-kapijiet tal-amministrazzjoni pubblika.
Il-konferenza ġiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, li tenna li qatt daqs illum ma tinħass il-ħtieġa li l-amministrazzjoni pubblika tkompli tinvesti fil-ħiliet tal-impjegati tagħha. Huwa tenna li hekk kif ninsabu fi żmien bla preċedent, fejn kollox qed jinbidel b’pass mgħaġġel, il-ħiliet taluffiċjali pubbliċi wkoll iridu jibqgħu jevolvu.
Is-Sur Sultana sostna li l-ħiliet tal-impjegati kollha huma importanti, mhux biss dawk li kisbu ċertifikati formali. Il-ħaddiema tal-id għandhom jiġu trattati b’kull rispett għax kisbu ċertifikati fl-“università tat-triq”.
Huwa rrefera wkoll għall-impjegati ġodda ta’ età żgħira, magħrufa bħala l-Gen Z. Dawn huma impjegati li jħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti u allura qabel ma nagħtuhom lezzjonijiet, irridu nifhmuhom. Huwa sejħilhom impjegati ta’ kuraġġ, b’ambizzjonijiet u kapaċitajiet kbar u li ma jibżgħux ibiddlu.
“Il-kapaċità tagħna għandha tkun dik li mhux biss nattirawhom lejn l-amministrazzjoni pubblika imma wkoll li nżommuhom magħna u ntellgħuhom aħjar minna.”
Il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika rrefera wkoll għall-uffiċjali fis-settur tat-teknoloġija u xprunahom biex jibqgħu preparati sabiex jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom. Il-ħidma f’dan il-qasam se tiffoka fuq kif nistgħu nanalizzaw l-volum kbir ta’ data u informazzjoni, kif nipproteġu s-sistemi tagħna u nużaw l-għodod kollha li tteknoloġija qed tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-bniedem.
Huwa enfasizza li f’dan kollu, irridu nkunu lesti għallbidliet u nkunu kuraġġużi. Is-Sur Tony Sultana ta ħarsa lejn il-bidliet kbar li saru fl-amministrazzjoni pubblika u li se jkomplu jsiru fosthom dehriet diġitali ġodda, il-prattiċi moderni ta’ xogħol u t-tibdil f’diversi proċeduri. Huwa qal li f’dawn l-aħħar sentejn kienu magħluqa iktar minn 65 ftehim kollettiv li minnhom ibbenifikaw mill-inqas 15,000 impjegat.
Apparti minn hekk se jiġu ssiġillati tliet ftehimiet kollettivi għal ħaddiema ta’ diversi livelli fosthom dawk tal-general service grades, il-management stream u l-ħaddiema tal-id. Dan kollu jista’ jseħħ mhux biss b’teknoloġija qawwija imma wkoll bil-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi. Huwa ħabbar ukoll li s-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku fuq www.publicservice.gov.mt ġie rinnovat b’numru ta’ features ġodda. Is-sit ingħata wkoll dehra ġdida biex isir aktar aċċessibbli.
Is-Sur Tony Sultana għalaq il-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ lill-uffiċjali pubbliċi sabiex ikunu kburin li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni pubblika għax kulħadd huwa importanti u għandu ħiliet imprezzabbli.
Apparti d-diskors tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, segwit ukoll diskussjoni bit-tema “Insaħħu l-Ħiliet”.
Il-ħinjiet li l-Public Service Expo se tkun miftuħa għall-pubbliku huma dawn: L-Erbgħa, 15 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m. Il-Ħamis, 16 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sas-7.00 p.m. Il-Ġimgħa, 17 ta’ Mejju min-12.30 p.m. sal-5.00 p.m. Is-Sibt, 18 u l-Ħadd, 19 ta’ Mejju mill-10.00 a.m. sal-4.00 p.m. Kull min jixtieq ikollu aktar informazzjoni għandu jsegwi l-paġni soċjali tas-Servizz Pubbliku fuq Facebook u Instagram.