Il-Korp tal-Pulizija laqa’ 35 membru ġdid, wara li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati. B’dan l-aħħar grupp, għalhekk, il-Korp issaħħaħ b’102 kuntistabbli ġodda li ddaħħlu fl-aħħar sena, filwaqt li attwalment hemm ukoll 55 rekluta oħra li qed jagħmlu l-kors ta’ pulizija fl-Akkademja.
Waqt ċerimonja tal-ġurament, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, stqarr li l-Gvern qed ikompli jinvesti u jsostni lill-Korp tal-Pulizija, tant li fl-aħħar snin għamel rivoluzzjoni sħiħa fejn jidħlu drittijiet u kundizzjonijiet tal-uffiċjali, mhux l-inqas bl-iffirmar tal-ftehim settorjali ġdid.
Il-Ministru fakkar ukoll it-tisħiħ tal-pensjoni bi 23% għal min joffri sa 29 sena servizz u allowance addizzjonali sa massimu ta’ erba’ snin daqs il-ħlas ta’ sentejn paga għal min joffri aktar servizz lill-pajjiż u għan-nies.
Iddaħħlet ukoll il-pensjoni r-romol, fl-eventwalità li membru tal-Korp jiġi nieqes fil-perjodu ta’ waqt li jkun fis-servizz u ta’ bejn l-età tal-irtirar statutorja.
Faħħar l-impenn tal-kuntistabbli l-ġodda li għażlu t-triq li jissieħbu fil-Korp biex jagħtuh demm u enerġija ġdida billi jservu u jipproteġu lill-komunità.
“Tlabthom lil dawn ir-rekluti l-ġodda biex ikomplu bil-bidla pożittiva li qed nagħmlu fil-Korp tal-Pulizija biex ikomplu jkunu viċin il-komunitajiet, ħalli jikkomunikaw man-nies, biex jagħdru u biex jiddeċiedu b’mod ġust. B’dan il-mod, ikun jista’ jkollhom karriera twila, ta’ sodisfazzjon fil-Korp tal-Pulizija.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, appella lill-kuntistabbli ġodda biex iħossuhom kburin u motivati, kif inhuma l-bqija tal-membri u stqarr kif il-kuntistabbli l-ġodda għandhom ikunu kburin jilbsu l-uniformi biex b’ħidmiethom jagħmlu ġieħ lill-kollegi u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Jien allura nħeġġiġhom biex din il-kburija, din il-motivazzjoni juruha fix-xogħol tagħhom mal-komunitajiet. Il-poplu Malti u Għawdxi qed japprezza ġurnata wara l-oħra aktar ix-xogħol tal-Pulizija, tant li għandna 90% tal-poplu Malti u Għawdxi juri li għandu fiduċja sħiħa fil-Korp tal-Pulizija.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa