F’temp ta’ ftit xhur ħajti nqalbet ta’ taħt fuq.
Dfint liż-żewġ uliedi u għaddejt mill-istess dulur li għexet il-Madonna.
Din hija Christina Borg, armla li f’sena u nofs tilfet żewġ uliedha subien, l-ommha, l-oħtha u żewġ ħutha rġiel.
Iżda l-aktar episodju li ħallilha impatt negattiv kien dak tal-mewt ta’ uliedha, Stanley fl-età ta’ sitta u erbgħin sena u Antoine ta’ disgħa u erbgħin sena. Episodju li ddeskrivietu bħala stallet li nifdilha qalbha.
“Il-weġgħa l-anqas nista’ niddeskriviha għax tant hija fonda fil-qalb tal-omm għax dawn anke meta jkunu għadhom miegħek tarahom ibatu l-omm ħa tħoss aktar u aktar minn uliedha u jiddispjaċik għalihom.”
Christina semmiet kif weġgħa akbar kienet meta organizzat l-funeral ta’ wliedha stess.
Stqarret li suppost uliedha difnu lilha u mhux hi difnet lilhom.
“Xokk kbir u tgħaddi mill-esperjenza tal-funeral ta’ wliedek, il-ħajja tinqaleb ta’ taħt fuq, anke fi stat ta’ saħħa l-affarijiet ma jibqgħux kif ikunu.”
B’leħen miksur l-omm qaltilna li f’dawn iż-żminijiet ta’ swied il-qalb, hija ħalliet f’idejn il-Mulej.
“Il-Mulej għidtlu meta mietli t-tieni wieħed, għidtlu dawk inti tajtomli u selliftomli u meta għoġbok sejjaħtilhom hu.”
Iżda Christina semmiet li ta’ sikwit iddur lejn is-santi ta’ wliedha u toqogħod tiftakar fil-memorji sbieħ li kienet tqatta’ ma’ wliedha.
“Waħdi qatt ma nkun, inħoss il-preżenza tagħhom miegħi għax anke nkellimhom, filgħodu ngħidilhom bonġu Antoine u Stanley. Jew inkun se nsajjar xi ħaġa u ngħidilhom salamun illum għax kienu jħobbu jsajru.”
Hawnhekk saħqet kif ta’ sikwit tmur iċ-ċimiterju u tixgħel xemgħa liż-żewġ uliedha, filwaqt li tgħid talba għal ruħhom.
F’jum id-Duluri, Christina qalet li bħall-Madonna hija rat lill-uliedha jindifnu qabilha.
“Qalbi bħalissa tibki qiegħda u aħseb u ara l-Madonna kemm tibki magħna f’dan id-dulur li kellna l-ulied u dfinnihom qabel mietna aħna hux.”
Ma’ One News, hija qalet li trid tagħmel kuraġġ lil dawk l-ommijiet u missirjiet kollha li għaddejjin min xi esperjenza simili, biex jagħmlu kuraġġ u qatt ma jieqfu jgħixu ħajjithom, għax l-affari tiġi għall-agħar.
“Billi nagħmlu l-kuraġġ aħna stess u bl-għajnuna t’Alla għax il-bqija ma tkomplix tinstabat u tispiċċa warajjhom fil-qabar. Mhux b’dan il-mod irridu imma għax ikun baqalek skop hux.”
Filwaqt li bieset is-santi ta’ wliedha li ġġorr magħha ta’ kuljum u kull fejn tmur, ħallejna lil Christina tiftakar fil-memorja ta’ Stanley u Antonine, filwaqt li tkompli tgħix ħajjitha anke ma’ l-unika tifla u neputijiet li baqalha.