F’sena twettqu 20 fil-mija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ugwaljanza u l-Mainstreaming. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, waqt konferenza organizzata mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, li hu responsabbli mit-twettiq tal-istess strateġija mifruxa fuq perjodu ta’ ħames snin.
Buttigieg tenniet li l-Gvern hu impenjat li jdaħħal fis-seħħ id-direttiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea li tobbliga lill-kumpaniji ewlenin ikollhom rappreżentanza ġusta tan-nisa fil-bordijiet tagħhom. Qalet din se tkun pass ieħor importanti favur l-ugwaljanza.
Dwar is-sehem tal-mara fil-politika, is-Segretarju Parlamentari qalet li din il-leġiżlatura għandha rekord ta’ kważi ta’ 28 fil-mija ta’ deputati nisa, b’riżultat tal-mekkaniżmu korrettiv li ntuża għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
“Għaldaqstant f’din il-konferenza elenkajna l-ħidma li saret matul din is-sena, fejn diversi inizjattivi, fosthom il-ħatra ta’ kumitati interministerjali, li għall-ewwel darba dan il-pajjiż għandu focal point f’kull Ministeru, li qed jiffoka l-ħidma tiegħu anke biex tavvanza l-mara f’dak il-Ministeru partikolari. Għaldaqstant ħarisna ’l quddiem biex jiġu implimentati numru ta’ policies ġodda u nassiguraw li l-ugwaljanza tibqa’ l-focus tagħna fil-politika tagħna.”