F’sena kkaraterizzata minn pandemija, jiġifieri dik tal-elfejn, wieħed u għoxrin, preċiżament fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra, id-dħul tal-Gvern Malti laħaq livell rekord ta’ erbat elef, ħames mija u disgħa u tletin miljun ewro.
Ammont li jfisser żieda ta’ kważi mija u ħamsin miljun ewro aktar minn dak li ġie rreġistrat fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Ta’ min jinnota li dan ir-rekord seħħ fi sfond ta’ bosta miżuri meħuda mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela sabiex iwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin.
Fost dawn hemm it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tal-boll, ingħatat rifużjoni aqwa fit-taxxa tad-dħul, inħafer ammont ta’ liċenzji u kirjiet lill-operaturi milquta mill-effetti tal-pandemija u anke ġiet imraħħsa is-sisa fuq il-fjuwil.
Fil-fatt statistiki uffiċjali juru kif id-dħul minn liċenzji, kirjiet u mid-Dwana naqas b’madwar mitt miljun ewro meta mqabbel ma’ qabel il-pandemija.
Iżda dan jikkuntrasta bil-kbir meta wieħed iħares lejn id-dħul mill-Income Tax, fejn dan laħaq rekord ta’ elf, sitt mija u disgħa u tletin miljun ewro, jew mija u sebgħa u sittin miljun ewro aktar mill-elfejn u dsatax.
Dan filwaqt li l-bolla ammontat għal disa’ mija u ħamsa u tmenin miljun ewro, li tfisser żieda ta’ ħamsa u tmenin miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan joħroġ ukoll meta jiġi kkunsidrat li d-dħul mill-VAT laħaq numru rekord ta’ disa’ mija u tlieta u għoxrin miljun ewro, titjib ta’ tmintax-il miljun ewro fuq il-livell ta’ qabel il-pandemija.
Ċifra li tikkonferma wkoll kif il-konsum privat żamm livell tajjeb ħafna li jikkumpara sewwa ma’ dak fl-elfejn u dsatax.
Statistika wara l-oħra fix-xhur li għaddew, dejjem uriet tnaqqis fil-qgħad.
Intant dawn il-fatti jġibu fix-xejn l-argument tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li kienet qalet kif t-tbassir li d-dħul tal-Gvern se jiżboq lil dak tal-elfejn u dsatax, kien realtà virtwali.
Saħansitra il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien sejjaħ l-għajnuniet kruċjali fi żmien ta’ pandemija bħala tberbiq ta’ flus.
Ta’ min ifakkar li f’pandemija Gvern Laburista investa ammont rekord ta’ ħamest elef, sitt mija u wieħed u sittin miljun ewro, jew kważi elf u tliet mitt miljun ewro aktar min-nefqa fl-2019.
Dan filwaqt li sar titjib ta’ 16% fil-livell tad-defiċit.
L-ispiża fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali wkoll laħqu livelli bla preċedent.