F’sena ta’ pandemija, Gvern Laburista ma waqafx jgħin lin-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela waqt programm speċjali mħejji mill-fergħa tan-Nisa Laburisti lejliet Jum il-Mara, bis-sehem ukoll ta’ martu Dr Lydia Abela.
Il-Prim Ministru tenna li fl-aħħar xhur, saħħet il-poplu kienet ta’ prijorità f’ħidmet il-Gvern.
Qal, “Ħdimna qatigħ, ma kellniex sett ta’ regoli fuq xiex nimxu imma nemmen li b’ħafna u ħafna ħidma rnexxielna nagħddu minn tnax-il xahar, illi kien hemm mumenti fejn stajna konna aħjar, imma ħdimna kemm flaħna biex ipprotiġejna bi prijorità s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fl-istess waqt ipproteġejna l-għajxien ukoll.”
Il-Prim Ministru qal kif fis-sigħat li ġejjin, pajjiżna se jkun ta’ mitt elf doża kontra l-Covid-19.
Spjega, “Se nkomplu bil-vaċċin nattakkaw il-pandemija, u għandna bżonn bħala pajjiż ftit ġimgħat fejn niddefendu biex nagħtu ċ-ċans lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jibqgħu jlaqqmu kemm jifilħu nies. L-impenn tagħna bħala Gvern se jibqa’ li nibqgħu nġibu kemm nifilħu dożi tal-vaċċin u sodisfatt iva li l-ewwel pajjiż fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea li qegħdin inlaqqmu u qegħdin fuq quddiem nett.”
Il-Prim Ministru spjega li l-aħħar jiem kienu diffiċli bl-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda, iżda sostna l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ spalla għan-negozji.
Dan fost l-oħrajn bl-estensjoni tal-Covid Wage Supplement u l-introduzzjoni tal-iskema li se tagħti elf ewro lis-sidien kollha tar-ristoranti u snack bars.
Dr Abela elenka l-ħidma tal-Gvern imsejsa fuq il-bilanċ.
Qal, “Kruċjali li żżomm dan il-bilanċ, kruċjali li ma tħallix lin-negozji waħedhom, kruċjali li ma tħallix lill-ħaddiema u frontliners waħedhom u dan huwa mpenn li se nibqgħu naħdmu fih fil-ġimgħat li ġejjin.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-elf, disa’ mija u ħamsa u disgħin, u qal li l-ebda Gvern ma ried jindirizza din il-problema.
B’ton ta’ kuraġġ, il-Prim Minitru tenna li mhu se jħalli lil ħadd waħdu u wassal messaġġ ta’ għaqda lill-poplu Malti u Għawdxi.
Qal kif, “Ejja ħa nibqgħu naħdmu flimkien, dan l-isforz kollettiv ta’ poplu wieħed, poplu li verament meta numru ta’ ġimgħat inħarsu lura lejn dawn ix-xhur se naraw kemm bħala poplu wieħed irnexxielna nibqgħu magħqudin u nagħmlu t-tajjeb għal xulxin, għamilna kuraġġ lil xulxin, tajna t-tama lil xulxin, ħsiebna għal xulxin u hekk se nibqgħu nagħmlu.”
Intant, f’artiklu fil-gazzetta The Malta Independent, il-Prim Ministru saħaq kif minkejja kollox, irridu nħarsu ’l quddiem u nibqgħu solidali ma’ xulxin.
Qal li rridu naraw kif wara l-pandemija, kulħadd jagħti sehmu biex l-attività ekonomika terġa’ tqum fuq saqajha u appella biex ħadd ma jinsa t-tagħlimiet tal-pandemija.