Fl-aħħar tnax-il xahar, sa Settembru, saru 159,210 intervent ta’ saħħa mentali fil-komunità, bis-sehem ta’ tobba, psikjatri, infermiera, ħaddiema soċjali, psikologi u occupational therapists.
Dawn jinkludu l-interventi li saru fiċ-ċentri tas-saħħa, kliniċi, bereġ u anki fid-djar stess tal-pazjenti.
Dawn iċ-ċifri b’saħħithom ta’ kura fil-komunità, jixhdu l-impenn tal-Gvern, li joffri s-servizzi meħtieġa biex persuni bi sfidi mentali jingħataw l-għajnuna li jkollhom bżonn u jkomplu b’ħajjithom, ħalli jevitaw il-bżonn li jiddaħħlu l-Isptar Monte Carmeli.
INTERVENTI TA’ SAĦĦA MENTALI FIL-KOMUNITÀ
SETTEMBRU 2020-SETTEMBRU 2021
PSIKJATRI U TOBBA: 33,888
INFERMIERI: 73,047
ĦADDIEMA SOĊJALI: 7,243
PSIKOLOGI: 28,832
OCCUPATIONAL THERAPISTS: 16,200
TOTAL: 159,210
Fil-Jum Dinji dwar is-Saħħa Mentali, ONE News tkellem ma’ Josianne Mifsud, iċ-Charge Nurse tal-Klinika tas-Saħħa Mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi.
Magħha tkellimna dwar l-aktar sfidi komuni li jaffaċċjaw il-pazjenti.
“Hemm id-dipressjoni, l-ansjetà, problemi ta’ sustanzi qed ikollna ħafna, anzjani li ġieli jkunu waħedhom u jkunu jixtiequ aktar informazzjoni dwar is-servizzi li jkun hawn, żgħażagħ li jkunu qed jaffaċċjaw problemi ta’ sustanza u problemi oħra ta’ personalità pereżempju.”
L-iktar każijiet ibsin huma dawk meta pazjent ikun f’xifer li jtemm ħajtu. Fl-istess waqt huma wkoll l-iktar każijiet ta’ sodisfazzjon, meta bil-kura li qed tingħata fil-komunità, il-pazjent jingħata l-għajnuna li jkun jeħtieġ fil-pront u jirrealizza li l-ħajja mhix il-problema li jkollu f’dak il-mument.
“Kull pazjent jagħtik is-sodisfazzjoni għax inti meta tara pazjent li ħajtu tkun waqfet – dawn in-nies hekk jgħidulna u aħna hekk naraw – il-fatt li mbagħad bl-għajnuna li jkunu ħadu mill-membri tat-tim, taraw reġgħu ngħaqdu mal-familja, reġgħu bdew imorru lura għax-xogħol, dak it-toqol li jkollhom f’ħajjithom ikun taffa, dak huwa sodisfazzjon kbir.”
Dan kollu jibni relazzjoni b’saħħitha bejn il-pazjent u l-professjonisti.
Bi tbissima, Josianne qaltilna kif dan ħareġ biċ-ċar matul il-pandemija, meta l-element ta’ sapport kien reċiprokat u kienu jkunu l-pazjenti stess li jċemplu u jistaqsu lill-ħaddiema kif inhuma.
“Is-sapport li anki aħna rċevejna mingħand il-pazjenti tagħna, jiġifieri r-rapport li noħolqu bejniethom tant ikun sabiħ, li waqt il-Covid, il-pazjenti tagħna li kienu ilhom jattendu ftit hawnhekk, kienu jċemplulna huma u jsaqsuna kif aħna, so, dik turi t-tip ta’ servizz li nippruvaw noffru aħna għax it-therapeutic relationship nenfasizzaw ħafna fuqha.”
L-appell hu biex kull min għaddej minn żmien diffiċli, ma jaffaċċjahx waħdu, imma jfittex l-għajnuna.
“Kull min ikollu bżonn ma jibqax id-dar u jgħid li mhux se jsib soluzzjoni għall-problema, għax min ikun għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali, f’moħħu l-problema tkun kbira ħafna u fil-fatt, ħafna nies li naraw ikollhom soluzzjoni għal kull problema. Tfittex l-għajnuna trid.”