Fil-Ħdud u l-festi pubbliċi matul l-aħħar sena, jiġifieri bejn April tas-sena l-oħra sal-lum, saru aktar minn elf operazzjoni fl-Isptar Mater Dei.
Dan minkejja li s-soltu f’dawn il-ġranet ma jsirux operazzjonijiet mhux urġenti. Iżda, biex tonqos il-lista ta’ stennija li akkumulat tul is-sentejn tal-pandemija, qed jittieħdu diversi inizjattivi biex in-nies ma jdumux jistennew għall-operazzjonijiet.
ONE News kiseb dawn iċ-ċifri f’intervista mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon, li saret fuq barra tal-binja, hekk kif fuq ġewwa għad hemm ċertu miżuri ta’ prekawzjoni minħabba l-Covid u mard infettiv ieħor.
Hija spjegat kif lil hinn mill-operazzjonijiet ta’ emerġenza jew oħrajn urġenti skedati, qed issir ħidma bla preċedent biex isiru dawk fuq il-lista ta’ stennija wkoll.
Qalet, “L-interventi jiġu kkategorizzati fi tlieta; dawk li huma emerġenzi li jsiru mill-ewwel, dawk li huma urġenti li nippruvaw nagħmlu skont il-każ xi jkun – min jista’ jistenna ġranet, min ġimgħat, imbagħad ikun hemm l-elettivi, li anki dawn jiġu kkategorizzati – dawk li jkunu prijorità, skont il-kundizzjoni tal-pazjent u dawk li jkunu jistgħu jistennew aktar.”
Flimkien mal-inizjattiva tal-Ħdud u l-festi pubbliċi fl-Isptar Mater Dei, qed isiru wkoll operazzjonijiet fi sptarijiet privati u jħallas għalihom il-Gvern.
Spjegat, “Naħdmu wkoll ma’ sptarijiet privati. Għamilna kważi 900 intervent ġo sptar privat – ikun kollox imħallas għall-pazjent, flok l-intervent isirlu ġol-Isptar Mater Dei, l-intervent isir fi sptar privat, u issa għandna intervent ġdid fejn qed nikru teatru u sala miegħu ġo sptar privat u nħaddmuh aħna. Dan bdejna x-xogħol f’Jannar ta’ din is-sena u diġà saru mat-tliet mitt intervent hemmhekk.”
Dan kollu qed iwassal biex fi żmien qasir, tonqos il-lista ta’ stennija li akkumulat matul l-imxija.
Tant hu hekk, li s-sena li għaddiet, li numru ta’ xhur minnha kienu għadhom iddominati sew minn restrizzjonijiet u miżuri marbuta mal-Covid-19, laħqet iċ-ċifri ta’ operazzjonijiet li kienu saru f’sena sħiħa qabel il-pandemija.
Stqarret,“Dan kollu huwa neċessarju għax dawk is-sentejn li tlifna, kien hemm akkumulu ta’ ’l fuq minn tnax-il elf intervent li ma sarux għaliex kellna l-pandemija u ma stajniex noperaw kif noperaw normalment.”