F’sena ta’ pandemija, id-Dipartiment għat-Tindif uża mal-għaxar miljun litru ta’ ilma f’rondi ta’ ffumigar u tindif fit-toroq u spazji pubbliċi.
Is-Sibt filgħodu dan l-istazzjon segwa l-ħidma imprezzabbli ta’ xi wħud mill-ħaddiema fi ħdan dan id-dipartiment.
Fit-toroq ta’ Birkirkara rajna tindif isir b’ilma mħallat ma’ kimiċi li joqtlu l-mikrobi.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għat-Tindif Ramon Deguara qal li hemm numru sostanzjali ta’ ħaddiema ffukati biss biex jiffumigaw it-toroq.
Huwa qal, “Prattikament inkunu qegħdin naħdmu f’ħames lokalitajiet kuljum, ovvjament mhux il-lokalità kollha imma parti mil-lokalitajiet. Fuq din il-ħidma hemm madwar mitt ħaddiem li qegħdin mobilizzati biss fuq is-sanitizzar u d-diżinfettar tat-toroq.”
Matul il-jum tas-Sibt ġew imnaddfa u ffumigati wkoll l-pjazza ta’ Ħal Balzan u anki żoni fl-Iklin.
F’Ħal Balzan ġew imnadfa diversi bankijiet kif ukoll il-bandli li jinsab fil-pjazza.
Dan hekk kif fuq ċertu uċuħ t’affarijiet il-virus tal-Covid-19 jista’ jibqa’ jgħix għal numru ta’ sigħat jekk mhux jiem u allura l-proċess ta’ diżinfettar huwa importanti.
Din mhix l-unika ħidma essenzjali minn dan id-Dipartiment.
Fil-fatt, minħabba ż-żieda ta’ ħwienet li joffru s-servizz ta’ ‘takeaway’ żdied l-iskart fit-toroq minħabba persuni li jarmu fil-pubbliku.
Għalhekk intensifika x-xogħol f’dan il-qasam sabiex tinżamm l-indafa f’postijiet pubbliċi.
Minkejja l-fatt li d-domanda għas-servizzi ta’ dan id-dipartiment żdiedu b’mod sinjifikanti, is-Sur Deguara stqarr li d-dipartiment ħa opportunità bis-sitwazzjonijiet rari li ġabet magħha l-pandemija.
Huwa sostna: “Rigward manutenzjoni ħadna l-opportunità wkoll biex ċertu postijiet fejn hemm inqas traffiku, naraw li ssir manutenzjoni meħtieġa fit-toroq tagħna, nieħdu l-opportunità kif qed jagħmlu entitajiet oħra governattivi biex il-pajjiż inġibuh isbaħ u jkun preparat għal meta tgħaddi din il-pandemija.”