Sa tmiem Frar li għadda jirriżulta li d-depożiti mal-banek lokali, tan-negozji li jaħdmu f’bosta oqsma, kienu jqarrbu lejn it-tliet biljun u nofs ewro, kważi tliet mija u tnax-il miljun ewro aktar minn Frar tas-sena l-oħra.
Dan skont tagħrif parlamentari li ngħata mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fuq mistoqsija tad-Deputat Glenn Bedingfield.
Il-Ministru Caruana semma erbatax-il qasam li fih jaħdmu l-kumpaniji u li għandhom id-depożiti tagħhom fil-banek.
Jirriżulta li għaxra minnhom raw żieda fid-depożiti, fosthom żidiet qawwija, meta mqabbla ma’ Frar tas-sena l-oħra, qabel faqqgħet il-pandemija.
L-akbar żieda impressjonanti frott anki l-għajnuna li ta l-Gvern biex iżomm in-negozji għaddejja, ġiet fis-settur tal-manifattura.
Fil-fatt sa Frar li għadda, f’dan is-settur, id-depożiti kienu jammontaw għal tliet mija u tnax-il miljun ewro, sebgħa u tmenin miljun u nofs ewro aktar minn Frar tas-sena l-oħra.
Kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni wkoll raw żieda fid-depożiti tagħhom u fil-fatt fi Frar li għadda, id-depożiti żdiedu b’sebgħa u tletin miljun u mitejn elf ewro, meta mqabbel max-xahar eżatt ta’ qabel faqqa’ l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta.
Oqsma oħra li raw żieda notevoli fid-depożiti kienu dawk fil-qasam tal-agrikoltura u sajd u anki negozji involuti fit-tiswijiet tal-vetturi u muturi.
Anki s-settur tal-arti, id-divertiment u rikreazzjoni, minkejja l-pandemija, ra żieda ta’ kważi ħamsa u tletin miljun ewro fid-depożiti fil-banek.
F’dan is-settur kien inkluż l-logħob online.
It-tnaqqis fid-depożiti kien ġej f’erba’ oqsma li jaħdmu fihom in-negozji fosthom dawk li jaħdmu fil-qasam tat-trasport u l-ħażna, li naturalment il-pandemija xekklitu xi ftit.
Mit-tagħrif parlamentari wieħed jinnota wkoll li t-tnaqqis fid-depożiti fin-negozji fil-qasam tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel kien wieħed minimu u ta’ inqas minn għaxar miljun ewro.
Hawnhekk wieħed jista’ jattribwixxi dan għall-għajnuna kostanti li baqa’ jagħti l-Gvern, anki bil-Covid Wage Supplement lil tar-ristoranti, tal-bars u lil-lukandiera.
Dawn mistennija jkunu fost l-aktar li se jgawdu anki bl-aħħar inċentivi li ħabbar il-Gvern biex minn Ġunju, pajjiżna jibda jiġbed lejh turisti b’mod sigur u sostennibbli.