Is-sena l-oħra, il-pannelli fotovoltajċi fil-pajjiż iġġeneraw b’kollox 284,600MWh. Dan huwa ekwivalenti għall-ammont ta’ elettriku li jikkunsmaw 65,000 dar fis-sena u jfisser li ntefgħu fl-arja 108,500 tunnellata metrika inqas ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju.
Din iċ-ċifri tal-Enemalta għamlithom pubbliċi l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża Miriam Dalli, fi tweġiba għal interpellanza parlamentari.
Il-Ministru qalet li, skont il-kapaċità nominali tal-pannelli fotovoltajċi, b’kollox kien hemm potenzjal ta’ ġenerazzjoni ta’ 355,200MWh, li jfisser differenza ta’ madwar 70,600MWh bejn il-potenzjal u dak li attwalment ġie ġġenerat.
Hija spjegat li din id-differenza tista’ tkun attribwita għal diversi fatturi, fosthom id-degradazzjoni fil-kapaċità tal-pannelli matul is-snin, nuqqas ta’ manutenzjoni u tindif tal-pannelli, kif ukoll varjazzjoni naturali fis-sigħat tax-xemx minn sena għal oħra.
Iċ-ċifra mogħtija ma tinkludix telf ieħor ta’ enerġija, bħalma huwa telf waqt id-distribuzzjoni. Madankollu, il-Ministru fakkret li peress li dawn il-pannelli huma fil-parti l-kbira tagħhom distribwiti fuq il-bjut, id-distanzi bejn il-lok tal-produzzjoni tal-elettriku u l-lok tal-konsum huma qosra. Għaldaqstant, wieħed jistenna li t-telf fis-sistema tad-distribuzzjhoni jkun baxx.