Matul is-sena li għaddiet, il-gvern investa seba’ miljun ewro f’xogħlijiet ta’ tisbiħ, manutenzjoni u rranġar f’postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara li għamel f’Ta’ Ramija fis-Siġġiewi, fejn fiha ġew konklużi xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq il-faċċati ta’ tliet blokok, b’investiment ta’ tlett mitt elf ewro. Minn dan il-proġett gawdew 50 familja.
Il-Ministru Galdes spjega li tmenin fil-mija tal-proġetti ta’ riġenerazzjoni tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali li nbdew is-sena l-oħra, issa ġew konklużi.
Qal kif, “Matul dawn l-aħħar tlett snin investejna madwar seba’ miljun ewro fil-blokki tal-housing estates madwar il-pajjiż biex irriġenerajna u anke nfaqna maż-żewġ miljun u sitt mitt elf ewro biex tajna numru ta’ blokku ta’ appartamenti dehra ġdida u b’hekk komplejna dan il-proġett nazzjonali.”
Matul is-sena l-oħra ġew investiti ftit aktar minn żewġ miljun u nofs ewro oħra fir-riġenerazzjoni tal-appartamenti li minnha gawdew elf u erba’ mitt familja.
Intant, l-Awtorità tad-Djar qed toffri ukoll skema ta’ titjib u rranġar fi djar tal-gvern u privati kif ukoll skema sabiex jiġu rranġati strutturi perikolużi.
Is-sena l-oħra minn din l-iskema gawdew mija u ħamsin familja.
Dan filwaqt li b’investiment ieħor ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro permezz tal-iskema għal persuni b’diżabilità kienet possibbli li d-dar ta’ mija u erbgħin persuna tinbidel għal waħda aċċessibbli.