Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li f’Marzu 2023 saru 1,172 konvenju fuq proprjetajiet residenzjali. Dan ifisser żieda ta’ 5.3 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Minn dawn il-konvenji, 90.3 fil-mija ġew iffirmati minn xerrejja potenzjali individwali filwaqt li l-bqija primarjament kienu jinvolvu kumpaniji.
L-aktar li saru konvenji f’Marzu kien fuq postijiet f’San Pawl il-Baħar, u wara din il-lokalità hemm San Ġiljan, u l-Mosta, f’dik l-ordni. Bejniethom, dawn it-tliet lokalitajiet ikopru aktar minn 20 fil-mija tal-għadd totali tal-konvenji rreġistrati f’Marzu.
Meta wieħed iqis l-ewwel tliet xhur tas-sena flimkien, imbagħad, l-għadd ta’ konvenji li saru kien ta’ 3,125, li jfisser żieda ta’ 14 fil-mija fuiq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Intant, f’Marzu, l-għadd ta’ kuntratti ta’ xiri ta’ proprjetà kien 1,036, li huwa 12.9 fil-mija inqas minn kemm kienu saru sena qabel. Il-valur totali ta’ dan il-bejgħ kien jammonta għal €249.1 miljun. Total ta’ 963 kuntratt, jew 93 fil-mija, kienu jinvolvu xerrejja individwali, u l-bqija prattikament kienu kumpaniji.
L-aktar li saru kuntratti li kien fuq proprjetajiet f’San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħaż-Żabbar, u Birkirkara, f’dik l-ordni.