L-ajruport ta’ Malta ra madwar żewġ miljun u ħames mija u erbgħin elf passiġġier tul is-sena 2021.
Dan ifisser rkupru t’aktar minn 45% fuq is-sena l-oħra iżda huwa biss 35% tan-numru ta’ passiġġiera li għaddew mill-ajruport fis-sena 2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg spjega kif is-sena li għaddiet rat bidu pjuttost kwiet b’irkupru b’sinjali ta’ rkupru lejn is-sajf u għalhekk fit-tielet kwart tas-sena l-affarijiet bdew jiċċaqilqu.
Alex Cardona, uffiċjal inkarigat mit-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport spjega li f’Diċembru 2021 l-ajruport ra rkupru b’saħħtu fuq is-sena 2020 iżda xorta waħda ’l bogħod mill-2019.
L-ewwel nofs tas-sena kienet pjuttost kwieta fis-sena 2021, biex imbagħad kien hemm bidu ta’ rkupru b’saħħtu minn Ġunju ’l quddiem.
Ottubru kien l-iktar xahar pożittiv b’madwar 418,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport.
Għall-ewwel darba, l-aħjar suq kien dak tal-Italja filwaqt li s-suq tar-Renju Unit irkupra lejn it-tieni nofs tas-sena.
Kemm l-Italja u r-Renju Unit ikopru bejn wieħed u ieħor 19% tal-passiġġiera li għaddew mill-ajruport Malti.
L-iktar destinazzjonijiet li raw passiġġieri minn u lejn Malta kienu l-ajruporti ta’ Frankfurt, Heathrow f’Londra, Fiumicino f’Ruma, Katanja u Manchester.
L-iktar linja tal-Ajru li tajret passiġġieri minn u lejn Malta hija r-Ryan Air li kopriet 44% tas-suq.
Fit-tieni post kien hemm l-Air Malta li kopriet 23% tas-suq.
Ġie nnutat wkoll kif fl-ewwel kwart ta’ din is-sena ġew imħassra 850 titjira.
Dan filwaqt li fis-sajf mistennija kompetizzjoni kbira minn destinazzjonijiet oħra li jkollhom ukoll rati għolja ta’ vaċċinazzjoni kontra l-Covid-19.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport Alan Borg, ta aġġornament fuq l-investimenti li qed isiru fl-ajruport.
Spjega kif sar parkeġġ ġdid filwaqt li issa għaddejjin negozjati bejn il-bżonnijiet tal-operatur tal-lukanda mad-disinn sħiħ tal-binja ta’ Skyparks 2.
Ser isir xogħol ukoll fuq Apron X li ser ikun l-ikbar investiment mill-ajruport fl-infrastruttura tiegħu sa mill-1998.
Stqarr kif dan ser ikun żviluppat fuq 100,000 metru kwadru ta’ art u se jkabbar il-potenzjal tal-ajruport b’iżjed spazju għall-parkeġġ tal-ajruplani.
SOT: ALAN BORG
KAP EŻEKUTTIV TAL-AJURPORT
“Meta inti tkun tista’ takkomoda iżjed ajruplani on the ground, bla dubju li jkollok aktar kapaċita li s-slots li nirċievu mingħand l-airlines inkunu nistgħu nakomodawhom. Bla dubju huwa vot ta’ ta’ fiduċja kbir fl-industrija li nemmnu li fil-medium term in-numri tal-2019 nilħquhom u minn hemmhekk nibdew nikbru b’mod sostenibbli tul iż-żmien.”