Bejn Ottubru tal-2017 u Ottubru tal-2018 tressqu ftit aktar minn mitejn ilment għand il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitàm minn persuni b’diżabilità jew minn qrabathom.
Dan ħareġ propju mir-rapport Opportunitajiet Indaqs 2017-2018 li ġie ppreżentat lis-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis.
Dawn l-ilmenti kienu fost oħrajn dwar l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-housing u l-aċċessibilità, il-prodotti u l-għoti tas-servizzi.
Ir-rapport wera li l-maġġoranza tal-ilmenti li t-tim tal-investigazzjonijiet irċieva kienu relatati mal-aċċessibilità.
Fil-fatt, f’dan il-perjodu kien hemm mitt ilment dwar l-aċċessibilità.
Għal dan, l-uffiċjali tekniċi tal-Kummissjoni għamlu tmenin spezzjoni fuq il-postijiet inkwistjoni sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ aċċessibilità.
Il-Kummissarju Oliver Scicluna stqarr, “F’ħafna rapporti kienu fuq l-aċċesibilità, fiżika fejn in-nies iċemplu fuq nuqqas ta’ aċċessibilità u affarijiet oħrajn li juri li dawn mas-snin qed jibqgħu jirrenjaw.”
Ir-rapport tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità wera wkoll li apparti il-każijiet irrapurtati kien hemm ukoll madwar tliet mitt każ pendenti li kien hemm fis-snin ta’ qabel.
Intant, il-Kummissjoni innutat li kien hemm ftit iżjed minn mitt abbuż tal-Blue Badge u abbuż f’parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabilità.
Intqal kif dawn l-abbużi jiġu investigati mill-pulizija.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis saħaq fuq l-importanza li l-Gvern jibqa’ jinvesti f’persuni b’abbiltajiet differenti.
“Bħala Gvern u awtorità ġie diskuss sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajja għal dawn il-persuni b’diżabilità. Meta titkellem ma’ dawn il-persuni tinduna kemm dan is-settur għamel avvanzi kbar imma ma nkunux kuntenti b’dak li għamilna imma nkomplu naħdmu biex dawn jakkwistaw aktar drittijiet fil-ħajja tagħhom.” Sostna s-Segretarju Parlamentari Parnis.