Fl-ewwel sena mindu daħlet fis-seħħ il-liġi li ġabet riforma fis-settur tal-kera ġew irreġistrati kważi 30,500 kuntratt ta’ kirjiet privati. Dan huwa riżultat pożittiv ħafna għall-ewwel sena mindu l-Awtorità tad-Djar bdiet isservi bħala regolatur tas-suq tal-kirjiet privati.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif ir-riforma llum qed tassigura trasparenza, stabbilità u sigurtà. Stqarr li s-suċċess ta’ din ir-riforma huwa dovut għall-proċess twil ta’ konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati.
Huwa ħabbar ukoll li qed jinħatar osservatorju tal-kirjiet residenzjali privati sabiex jagħti ħarsa iżjed mill-qrib lejn l-istatistika miġbura minn din l-ewwel sena.
Il-Ministru Galdes qal, “Il-Malti huwa wieħed mill-akbar investituri tal-propjetà u allura meta tara inti settur bħal dan li qed ikun organizzat għall-ewwel darba, l-investiment li qed isir mill-Maltin qed ikollu wkoll qafas fi ħdan l-awtorità tad-djar li mhux biss isib sostenn għal settur bħal dan imma jgħin biex ikompli jiżviluppa ‘l quddiem.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega kif f’Mejju l-Awtorità tad-Djar waqqfet ukoll panel ta’ arbitraġġ li qiegħed isolvi b’mod spedit kwistjonijiet żgħar rigward ħlasijiet u manutenzjoniji li ma jammontawx għal aktar minn €5,000.
Spjega wkoll kif sezzjoni ġdida fi ħdan l-Awtorità tad-Djar wieġbet aktar minn 28,000 telefonata ta’ inkwilini u sidien.
Spjega kif issa l-pass li jmiss huwa li l-osservatorju maħtur iwassal għall-publikazzjoni ta’ ‘The 2020 Malta Residential Study’.
Is-Sur McKay fisser: “Illum għandek iktar minn 30,000 kuntratt li ġie rreġistrat fl-ewwel sena, li huwa ekwivalenti għal iktar minn 600 kuntratt fil-ġimgħa, u allura l-iskop tagħna huwa li l-osservatorju mhux biss iħalli d-data fuq il-pjattaforma online imma janalizzaha u minnha joħorġu rakomandazzjonijiet għall-‘policy makers’.”