Dalgħodu, uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sabu €45,000 flus mhux iddikjarati fuq passiġġier fis-Sala tat-Tluq li kien se jaqbad titjira lejn Istanbul.
Il-flus ġew issekwestrati u l-każ għadda f’idejn id-Dipartiment tar-Reati Kriminali tal-Pulizija.
Fi stqarrija, id-Dwana qalet li b’kollox din is-sena, l-uffiċjali tagħha skoprew 65 każ li bejniethom kellhom aktar minn miljun u nofs ewro mhux iddikjarati.
Skont il-liġi, passiġġieri li jkollhom fuqhom flus – kemm kontanti u ċekkijiet – li jaqbżu l-€10,000, iridu jiddikjarawhom fl-uffiċċju tad-Dwana.