Mill-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li s-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ dawk li jħossuhom imċaħħda materjalment u soċjalment, inkluż severament.
L-NSO innota li s-sena l-oħra l-għadd ta’ persuni li kienu qegħdin jgħixu f’ċaħda materjali severa mill-ħtiġijiet tal-ħajja naqsu bi kważi 2000, meta mqabbel ma’ sena qabel, jiġifieri l-2021. F’din l-istatistika ħareġ li dawn issa jammontaw għal 25,370, li jfisser li naqsu b’0.5%.
F’dawn iċ-ċifri ġie nnutat li r-rata ta’ dawk imċaħħda materjalment u soċjalment naqset b’0.2%, sabiex b’kollox hemm 49,298 persuna.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali b’rabta ma’ dawn l-aħħar ċifri, ġie nnutat li llum hawn inqas min-nofs tal-persuni mċaħħda materjalment li kien hawn fl-2013.
Hawnhekk, ġie nnutat li mill-2013 sal-2021 dawn naqsu minn 19.9% għal inqas minn 9%, li jfisser tnaqqis ta’ 11%, jew aktar minn 37,000 persuna.
DAWK IMĊAĦĦDA MATERJALMENT
NUMRU TA’ PERSUNI | % | |
2013 | 82,253 | 19.9% |
2021 | 45,012 | 8.9% |
TNAQQIS TOTALI | 37,241 | 11.0% |
Dan filwaqt li dawk imċaħda materjalment severament naqsu 10.2% fl-2013 għal 3.4%. Dan ifisser tnaqqis ta’ 6.8%, jew aktar minn 25,000 persuna.
DAWK IMĊAĦĦDA MATERJALMENT U SEVERAMENT
NUMRU TA’ PERSUNI | % | |
2013 | 42,210 | 10.2% |
2021 | 17,098 | 3.4% |
TNAQQIS TOTALI | 25,112 | 6.8% |
Hawnhekk, ġie innutat li r-rata ta’ pajjiżna hija ferm inqas mir-rata tal-medja tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali nnota li dan il-progress jispikka aktar meta fil-kuntest jittieħed il-fatt li pajjiżna kellu żieda fil-popolazzjoni.
Dawn iċ-ċifri ġew irreġistrati minkejja li pajjiżna kien qed jirkupra minn pandemija u l-isfidi internazzjonali bla preċedent, kawża tal-gwerra fl-Ewropa, li ġabet magħha wkoll kriżi fis-settur tal-enerġija. Il-Gvern Malti investa biljun ewro, is-sena l-oħra, u din is-sena, sabiex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli għall-familji u n-negozji.
Dwar dawn iċ-ċifri, ONE News tkellem mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù.
“Fl-istess ħin ifakkarna illi għad hemm persuni illi għadhom f’sitwazzjoni li għandhom bżonn ħafna iktar għajnuna u naturalment bħala Ministeru, bħala Gvern irid ikun kontinwament jimmoniterja s-sitwazzjoni tagħhom u jara x’għajnuniet diretti u indiretti jistgħu jingħataw dawn it-tip ta’ familji.”
Meta wieħed jieħu l-kriterji li bih titkejjel id-deprivazzjoni materjali, jinnota li kien hemm tnaqqis konsiderevoli, meta tqabbel is-sena l-oħra mal-2013.
Fost il-kriteriji hemm dawk il-familji li ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar u dawk il-familji li ma jaffordjawx iżommu djarhom sħuna fix-xitwa, li f’dan il-perjodu naqsu b’iżjed minn 60,000 persuna.
Fl-istess waqt, il-familji li ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa f’sena, li fl-2013 kienu 231,183 , niżlu għal 170,965 is-sena l-oħra.
DAWK LI MA JAFFORDJAWX BTALA FIS-SENA
NUMRU TA’ PERSUNI | % | |
2013 | 231,183 | 55.9% |
2022 | 170,965 | 33.3% |
TNAQQIS TOTALI | 60,218 | 22.6% |
Filwaqt li familji li ma jaffordjawx iżommu djarhom sħuna fix-xitwa fl-2013 kienu 99,013 persuna, is-sena l-oħra niżlu għal 38,752 persuna.
DAWK LI MA JAFFORDJAWX IŻOMMU DARHOM SĦUNA FIX-XITWA
NUMRU TA’ PERSUNI | % | |
2013 | 99,013 | 23.9% |
2022 | 38,752 | 7.6% |
TNAQQIS TOTALI | 60,261 | 16.3% |
L-għadd ta’ familji li ma jaffordjawx spiża mhux mistennija ta’ €770 jew aktar, f’dan il-perjodu naqas b’ 16,497 persuna.
Dawk il-familji li waqgħu lura fi ħlasijiet fuq self jew kirjiet u anki kontijiet naqsu b’20,525.
Dawk il-familji li ma jaffordjawx ikla ġurnata iva u oħra le, f’disa’ snin naqsu b’24,791 persuna.
Dan filwaqt li l-familji li ma jaffordjawx karozza, f’dan il-perjodu naqsu b’4,810 persuna.
Il-Ministru Michael Falzon qal li din hija konferma oħra tar-reżiljenza tas-sistema soċjali li qed tkun ħajt ta’ sostenn għal firxa dejjem aktar tal-popolazzjoni.
Intqal li din hija konferma tal-għaqal tal-Gvern li qiegħed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali biex jipproteġi l-pajjiż minn kontijiet ogħla u jrażżan l-inflazzjoni.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Prim Ministru Robert Abela, fuq Twitter, innota b’sodisfazzjon li aktar nies ħarġu mid-deprivazzjoni materjali severa u issa jaffordjaw iħallsu l-kontijiet, fost oħrajn. Dr Abela qal li l-Gvern huwa impenjat li jagħti sostenn lill-familji u jkompli jiġġieled il-faqar.
Last year nearly 2,000 persons moved out of a situation of severe material deprivation, largely as more households could now afford to pay their bills, rent or loan repayments. We remain committed to support families and continue fighting poverty. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) April 26, 2023