Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qabżet in-numru ta’ spezzjonijiet li wettqet tul is-sena l-oħra kollha. Dan spjegah il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Dr. Mark Gauci fejn sostna li ta’ kull sena l-OHSA qed tiżboq il-miri milħuqa fis-snin preċedenti.
Dr Gauci stqarr, “Kif għedna matul ix-xahar li għadda wettaqna mas-700 spezzjoni. Mill-bidu tas-sena sal-lum ilħqana ftit anqas minn 4,000 spezzjoni li huwa numru aktar mit-total li wettaqna s-sena li għaddiet.”
Gauci kompla jispjega li mill-ispezzjonijiet li saru f’Lulju nstabu mija u dsatax-il kontravenzjoni f’siti li ma kinux qed jimxu mal-istandards stabbiliti fil-liġi.
Madankollu Gauci sostna li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija l-aħjar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dikjarazzjoni li hija kkonfermata wkoll mill-Eurostat.
Dr Gauci kompla jgħid, “Malta kienet kklassifikata fost l-aħjar stati membri f’dak li għandu x’jaqsam ma fatalijiet fuuq il-post tax-ogħol. Is-sena l-oħra malta kklassifikat bħala l-anqas pajjiż fl-UE b’rata ta’ mwiet fuq il-post tax-xogħol.”
Huwa kompla jaċċenna dwar il-progress li sar tul dawn l-aħħar snin.
“Jekk wieħed jara r-rati ta’ fatalitajiet fil-postijiet tax-xogħol madwar l-UE malajr jinduna xi ġrogress qed isir fejn jidħol ħarsien tas-saħħa u sigurta tal-ħaddiema.” Qal Gauci.
Hawnhekk Gauci appella lill-pubbliku sabiex jekk jara xi prattiċi tax-xogħol perikolużi jikkuntattja lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qabel ma jitfa’ r-ritratti fuq il-midja soċjali.