Mill-elfejn u tlettax sal-bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena, tħawlu aktar minn ħamsa u sebgħin elf siġra. Dan intqal fil-Parlament bħala tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari, fejn ingħataw ċifri ta’ kemm tħawlu siġar u arbuxelli kull sena minn Ambjent Malta.
Skont iċ-ċifri mogħtija fil-Parlament, jekk wieħed ma jgħoddx is-siġar u arbuxelli mħawla fl-elfejn wieħed u għoxrin sa issa, Ambjent Malta ħawwlet medja ta’ ftit iktar minn tmient elef u erba’ mitt siġra u arbuxell kull sena madwar Malta u Għawdex.
Dawn is-siġar u arbuxelli ma tħawlux bl-istess rata, hekk kif f’dawn is-seba’ snin apparti l-elfejn u ħmistax, tħawlu aktar siġar u arbuxelli mis-sena preċedenti.
Jekk wieħed jara xi tħawwel minn din l-aġenzija fl-elfejn u tlettax, tiġi nnutata l-qabża kbira li saret sal-elfejn u għoxrin.
Fil-fatt, mill-elfejn u tlettax sal-elfejn u għoxrin, Malta rat żieda ta’ sebgħa u erbgħin fil-mija ta’ siġar u arbuxelli mħawla kull sena minn Ambjent Malta.
Fl-istess seduta tħabbar ukoll kif Ambjent Malta mhix l-unika aġenzija tal-Gvern li ħadet l-afforestazzjoni bħala parti mill-aġenda tagħha.
Hawn ħareġ kif il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin li ħawwel mal-ħamsa u tmenin pjanta u sitt siġar madwar il-binjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħawlet eluf ta’ pjanti u siġar f’diversi proġetti.
Dan apparti li l- Istitut għall-Istudji Turistiċi u Dar il-Mediterran għall-Konferenzi tħawlu ‘l fuq minn mitt siġra u pjanta bejniethom.