Il-kumpanija Norveġiża bbażata f’Malta, Norwex irriġenerat Ġnien il-Ġenerazzjonijiet fir-residenza San Vinċenz De Paul permezz tar-responsabilità soċjali korporattiva.
L-għotja li tlaħħaq il-mija u ħamsin elf ewro ser tkun qed tara żewġ proġetti oħra fi ħdan ir-residenza apparti dak ta’ Ġnien il-Ġenerazzjonijiet.
Apparti minn hemm il-kumpanija se ssebbaħ Rużar Briffa u tieħu ħsieb li tkabbar ċertu ħxejjex fi ġnien għall-persuni bid-dimensja.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, Matthew Vella rringrazzja lil Norwex talli għażlet lir-residenza ta’ San Vinċenz biex toffri għajnuna tagħha.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella nnota kif din tfisser ħidma id f’id bejn il-Gvern u s-settur privat għal ġid komuni tas-soċjetà.
Huwa stqarr: “Ir-residenti ġewwa San Vinċenz u l-qraba tagħhom ser ikunu qed igawdu minn ġnien ġdid. Ġnien li anki meta r-residenti jkunu flimkien mal-qraba tagħhom ikunu jistgħu jiġu hawnhekk u jqattgħu ftit tal-ħin. Dan qed inkomplu ninvestu ġewwa San Vinċenz flimkien mal-investiment li qed isir fit-taħriġ, investiment fuq l-infrastruttura biex b’hekk inkomplu ngħollu l-kwalità tas-servizz.”
Il-kumpanija Norwex li timmanifattura prodotti ta’ ndafa ambjentalment responsabbli saħqet kif bħala kumpanija bbażata f’pajjiżna tħares ’il quddiem sabiex tkompli tagħmel differenza fil-komunità.