Illum, fil-Ġonna Pubbliċi ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, ppresediet ċerimonja li matula nkixef monument fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel.
Il-President qalet li hija x-xewqa tagħha li dan il-monument “jħeġġeġ lit-tfal biex jitħajru sabiex jidħlu f’din il-professjoni”, filwaqt li tenniet li dan iwassal ukoll biex it-tfal jifhmu l-valuri ta’ din il-professjoni; “l-imħabba, il-kompassjoni, is-sagrifiċċju, flimkien mal-valur li tingħaqad flimkien mal-oħrajn”.
Hija raddet ħajr lill-pijunieri tal-union, li dejjem żammew prijorità l-għaqda bejn il-ħaddiema. “Meta ħaddiem jingħaqad, dan ikun qiegħed jissaħħaħ, u tkun qiegħda tissaħħaħ ukoll il-professjoni”. Il-President qalet li permezz ta’ dan, tissaħħaħ il-kura u jissaħħu l-komunitajiet.
Fl-aħħarnett, il-President appellat biex l-MUMN u l-membri tagħha jkomplu jħaddnu l-istandardta’ dawn il-valuri, “sabiex jkollna soċjetà reżiljenti, soċjetà ta’ nies li jaħsbu f’xulxin.”
Ritratti: DOI