Fil-Partit Nazzjonalista teżisti frustrazzjoni kbira, hekk kif Adrian Delia naqas milli jżomm mad-data mwiegħda sabiex isir xi ħaġa dwar ir-riforma li għandu jipproponi l-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea.
Is-Sunday Times irrappurtat dwar il-frustrazzjoni fil-Partit Nazzjonalista għaliex inkisret wegħda hekk kif suppost sal-aħħar tax-xahar li għadda kellu jitlaqqa’ l-kunsill ġenerali u jiddeċiedi dwar dak propost fir-riforma.
It-Times qalet li sa issa l-Partit Nazzjonalista għadu ma iffissax data ta’ meta se jlaqqa’ l-ogħla organu tiegħu biex jiddeċiedi fuq dak li wiegħed li se jagħmel Delia.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lill-gazzetta The Sunday Times li l-unika forum li fih ġew diskussi l-proposti ta’ Louis Galea kien biss fil-grupp parlamentari.
Dan anki jekk il-proposti kellhom jiġu diskussi wkoll fl-eżekuttiv u l-amministrattiv tal-partit.
Mat-Times, Adrian Delia ddefenda ruħu u qal li oriġinarjament ir-riforma li qabbad lil Louis Galea jagħmillu kienet mistennija tieħu sena u issa wiegħed li r-riforma se titlesta sal-aħħar ta’ Marzu.
Iżda fil-Kunsill Ġenerali straordinarju li sar f’Diċembru li għadda, kontra n-norma, il-kunsill kien ġie aġġornat għal Jannar biex suppost jiddiskuti l-emendi għat-tibdil fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.
F’mozzjoni li kien ippreżenta s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli f’dak il-Kunsill Ġenerali kien hemm miktub b’mod ċar li deċiżjoni finali fuq ir-riformi ta’ Louis Galea kellhom jittieħdu sal-aħħar ta’ Jannar li għadda.
Is-sajf li għadda kien ieħor jaħraq għall-Partit Nazzjonalista, bil-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, pruvat tagħmel minn kollox sabiex ittajjar ras Delia wara żewġ telfiet elettorali li sofra l-Partit Nazzjonalista f’Mejju, jiġifieri l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kunsilli Lokali.
Biex jipprova jintgħoġob mal-fazzjoni ta’ Busuttil, u jżomm postu, Delia wiegħed li ssir riforma iżda t-Times irrapurtat li l-Kap Nazzjonalista kiser anki dik il-wegħda.