Il-Front Ħarsien ODZ laqgħu id-deċiżjoni tal-gvern, kif ikkomunikata mill-Prim Ministru, li tkun eskluża art ODZ mill-espansjoni tal-Port Ħieles f’Birżebbuġa. Dan għax il-Prim Ministru, b’kuntrast mal-Kap tal-Oppożizzjoni, għamilha ċara li ma jridx il-Port Ħieles jikber fuq in-naħa tar-residenti.
“Minbarra l-fatt li kull estensjoni għandha ssir f’żoni diġa’ mmarkati għal żvilupp, huwa ċar ukoll li l-operat tal-Port Ħieles għandu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies tal-komunità ta’ Birżebbuġa,” qal il-Front ODZ.
Għal darb oħra Front Ħarsien ODZ talab pjan nazzjonali dwar faċilitajiet ta’ ħażna biex ikun hemm sostenibbiltà għas-settur tal-importazzjoni u l-esportazzjoni li huma elementi importanti ta’ ekonomija diversifikata.
Intqal li biex dan jintlaħaq dan is-settur irid jingħata prijorità fl-allokazzjoni ta’ art użata li tista’ tintuża.
Front Ħarsien ODZ reġa’ ħa l-okkażjoni biex jgħid li l-gvern m’għandux juża ODZ, lanqas għall-proġett tal-Università Amerikana.