Sid ta’ ħanut tal-pastizzi fil-Marsa intbagħat 38 xahar ħabs wara li froda lil min kien ifornih bil-pastizzi. Inizzjalment, l-akkużat Derrick Schembri ta’ tletin sena kien qed iħallas bla problemi lil Mario Kitcher iżda imbagħad kien hemm xi ċekkijiet li ma issarfux u Schembri għamel tajjeb għalihom bi ħlas ta’ flus kontanti.
Fl-2011 meta Schembri kien se jiżewweġ huwa kien appella lil Kitcher biex dan ma jsarrafx iċ-ċekkijiet mibgħuta lilu iżda wara t-tieġ kien se jħallsu bir-rigali li kien beħsiebu jaqla. Wara li anki hawn Kitcher baqa’ b’xiber imnieħer u prova jsarraf xi ċekkijiet, sar magħruf li l-kontijiet ta’ Schembri, li suppost kien se jieħu l-flus minnhom ma kinux għadhom jeżistu.
Kien hawn li nfetħet kwerela fil-konfront ta’ Schembri, wara li baqa’ ma ħallasx mad- €9500,bl-akkużat weħel il-ħabs anki għaliex kiser ordni ta’ probation imposta aktar qabel.