Fl-aħħar sigħat deher li nibet kunflitt bejn dawk li jwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista; Daphne Caruana Galizia u l-ġurnalisti tal-midja tal-Partit.
Kulħadd ra fuq facebook x’ġara u x’kienu l-kummenti.
Mario Frendo, Darren Carabott u Dione Borg dehru ma’ Adrian Delia f’ritratt u Daphne Caruana Galizia kritikathom. Nuża l-kelma kritika, għax “attakk” hu ferm iktar minn dawk li Caruana Galizia kitbet dwar dawn l-irġiel. Jekk hawn xi ħadd irid ikun jaf x’inhu attakk hemm biżibilju eżempji li fil-mira tiegħu kien hemm esponenti tal-Partit Laburista.
Ladarba kritikathom Mario Frendo u sħabu fetħulha jilagħbuha tal-vittmi. Ħadu għalihom għax qaltilhom li m’humiex ġurnalisti. Issa, għaliex ħadu għalihom ma nafx.
Għax dak li appoġġjaw b’għajnejhom magħluqa bħalha eżatt jaħsibha. Kull darba li f’idu kellu materjal li seta’ deher jimmerita investigazzjoni, Simon Busuttil mar jiġri bih il-Bidnija u mhux tah il-ġurnalisti tiegħu biex jaħdmu fuqu. Il-ġurnalisti tiegħu imbagħad bnew fuq Daphne Caruana Galizia fejn ma kinitx lesta tmur hi. Bħal Mario Frendo li mar Acapulco. Tiftakruh? Daqshekk kienet tgħoġbu Daphne Caruana Galizia lil Mario Frendo li ħlejqa tagħha għamel minn kollox biex iġibha fatt.
Jew lil Darren Carabott jiġri wara l-bagalji jipprova jġiegħel lil kulħadd jemmen li fihom kien hemm dokumenti għax hekk riditna nemmnu Daphne Caruana Galizia? Lil DCG għamluha Alla tagħhom huma u ħadmu biex għamluha Alla tagħhom in-nazzjonalisti.
Iddefendewha! U se jiqbgħu jiddefenduha. Basta l-attakk jkunu kontra l-Laburisti. Fil-fatt x’kiteb Frendo fuq facebook? “Ejja nibqgħu magħqudin.” Ma jridx jiġġieled, lanqas ma’ DCG.
Fuq kollox l-ebda kundanna li qed issir issa minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista ma tiswa jekk ma tibdiex b’ammissjoni kemm kienu żbaljati meta appoġġjaw ċertu tip ta’ kitba. Sakemm majsirx hekk ikun ifisser li jemmnu eżatt bħal Delia li qal jekk hemm bżonn “inkunu wara Daphne.”
Naturalment, il-bżonn hu l-ġlieda mal-għadu. U għal Delia l-għadu huwa l-Partit Laburista u l-Laburist.