“Ir-reġistru Malti tal-avjazzjoni – 9H – qed kontinwament isostni l-pass li qabad. Qed naraw żieda kontinwa f’ajruplani li jiġu reġistrati f’Malta, bl-aħħar żvilupp fost dawn ikun li Freebird Airlines stabbilixxiet il-parti Ewropea tagħha f’Malta. Dan ma setax ikun possibbli mingħajr il-qafas legali b’saħħtu iżda flessibbli li għandu pajjiżna u, daqstant importanti, il-cluster ta’ servizzi tal-avjazzjoni li qed jistabbilixxu lil Malta bħala hub tal-avjazzjoni. Din hi prova ċara li s-suċċess ta’ pajjiżna jkompli jiġbed l-investiment minn setturi differenti,” qal il-Ministru Ian Borg.
Transport Malta ppreżentat Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru lil Freebird Airlines Europe. Il-linja tal-ajru stabbilita Torka se topera titjiriet kummerċjali fl-UE bl-ewwel ajruplan Malti tagħha, Airbus A-320.
L-ajruplan, bir-reġistrazzjoni 9H-FHB, kien f’Malta għal jumejn b’delegazzjoni sostanzjali ta’ uffiċjali tal-linja tal-ajru u telaq ilbieraħ filgħodu. Freebird Airlines mistennija testendi l-operat tagħha fl-Ewropa u f’reġjuni oħra, b’aktar tkabbir tal-flotta tagħha.
Haci Say minn Freebird qal li, “Freebird Airlines Europe, bil-koperazzjoni u l-appoġġ professjonali ta’ TM-CAD tixtieq testendi l-operat tagħha fl-Ewropa u reġjuni oħra bil-flotta tagħha li qed tikber. Nixtiequ nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil TM-CAD għall-appoġġ kontinwu tagħhom.”
Il-Ministru Borg qal li, “Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Transport Malta qed jaħdem bla waqfien biex ikompli jistabbilixxi lil Malta bħala cluster tal-avjazzjoni stabbilit. Freebird Europe huma fost lista twila ta’ operaturi li għażlu lil Malta bħala l-ġurisdizzjoni preferuta tagħhom. Ftit tal-ġimgħat ilu, Transport Malta lliċenzjat lil Freebird bħala Organizzazzjoni Approvata tat-Taħriġ, li tipprovdi taħriġ fl-avjazzjoni li jiffoka primarjament fuq taħriġ għall-kwalifika għall-Airbus A320, għall-Boeing 737, taħriġ għall-għalliema tas-simulatur tat-titjir u taħriġ għall-għalliema tal-klassifikazzjoni tat-tip.”
Freebird Airlines Europe tifforma parti minn Gözen Holding, grupp ta’ kumpaniji bi storja b’saħħitha fl-industrija tal-avjazzjoni. Il-grupp għandu linji tal-ajru u uffiċċji li joffru servizzi ta’ rappreżentazzjoni, sorveljanza, fuel , kontroll, senserija, sigurtà u taħriġ. Il-grupp ilu stabbilit għall-aħħar 38 sena u s-6 kumpaniji fi ħdanu jimpjegaw aktar minn 2,000 individwu.
Freebird Airlines hi linja tal-ajru taċ-chartering internazzjonali li ġiet stabbilita fis-sena 2000 u sservi lill-Ewropa u reġjuni viċini bi flotta ta’ ajruplani Airbus A320. Iċ-Ċentru Internazzjonali tat-Taħriġ fit-Titjiriet ta’ Istanbul (IFTC) ukoll jifforma parti minn dan il-grupp, b’ħames simulaturi full-flight għall-ajruplani A320 u B737-NG u b’faċilitajiet ta’ kwalità għat-taħriġ u għas-servizzi f’kemm Istanbul kif ukoll f’Antalya fit-Turkija.
Il-Ministru Borg tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jkun proattiv u affidabbli f’impenn li jiżgura li l-industrija tkompli tikber.