Il-Qorti Kriminali lliberat lil Frederick Azzopardi minn akkużi kriminali relatati ma’ xogħlijiet li kienu saru f’Wied Qirda, f’Ħaż-Żebbuġ, meta kien il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Infrastructure Malta.
Huwa kien ġie akkużat li kiser il-liġijiet tal-ħarsien tal-ambjent fl-2019 meta allegatament ma mexiex ma’ ordni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) biex jieqaf ix-xogħol li kien qed isir biex tiġi rrinfurzata triq f’żona rurali.
Fuq il-midja soċjali, Frederick Azzopardi kkummenta li s-sewwa rebaħ. Huwa qalli li l-qorti kkonfermat li qatt ma kellu jiġi mixli b’mod kriminali b’rabta max-xogħlijiet tal-Infrstructure Malta f’Wied Qirda, meta din intervjeniet fuq ordni tal-Pulizija biex tirranġa triq li kienet sfrundat u, sussegwentement, b’konsultazzjoni ma-ERA, tneħħi lqugħ antik li kien sar illegalment u li kien qed jimblokka l-wied sabiex l-ilma tan-nixxiegħa jerġa’ jgħaddi fil-mogħdija naturali tiegħu.
“Il-Qorti xejnet it-tentattivi ta’ ċerti individwi li ppersietew biex isallbu lill-eks kollegi tiegħi u lili talli għamilna dmirna b’rispons għal riskju għas-sikurezza puibblika,” kiteb Azzopardi.
“Id-deċiżjoni tal-lum tikkonferma li, jekk jaġixxu b’mod responsabbli, fl-aġjar interess pubbliku, [uffiċjali pbbliċi] jistgħu jserrħu rashom,” kiteb Azzopardi.
Huwa saħaq li x-xogħlijiet li saru fl-aħħar mill-aħħar ikkontribwew għal ambjent aħjar.
Ritratt: MaltaToday