Minkejja li hu l-aktar xahar tas-sena assoċjat mal-kesħa, Frar li għadda ma tantx patta għat-temperaturi relattivament sħan li ġabu wkoll magħhom ix-xahrejn ta’ qablu.
Dan wassal biex ix-xitwa meteoroloġika, li għadha kif intemmet, tniżżlet, ma’ dik tal-2007, bħala l-aktar waħda sħuna fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’temperatura medja ta’ erbatax punt tmin gradi Celsius (14.8°C).
Ħarsa aktar dettaljata lejn it-temperaturi li tkejlu matul ix-xahar li għadda, turi kif Frar 2024 kien wieħed punt seba’ gradi Celsius (1.7°C) aktar sħun min-norma klimatika ta’ tnax punt sitt gradi Celsius (12.6°C).
Is-sitt jum ta’ Frar ġab miegħu saħansitra togħma ċkejkna tas-sajf, hekk kif l-ogħla temperatura baqgħet tiela’ sa għoxrin punt ħames gradi Celsius (20.5°C) jew kważi tmin gradi Celsius (8°C) aktar mit-temperatura medja għal dan iż-żmien tas-sena.
Madankollu, Frar tal-1960 għad għandu f’idu r-rekord tal-aktar temperatura sħuna mkejla f’dan ix-xahar, meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa sitta u għoxrin punt seba’ gradi Celsius (26.7°C).
Min-naħa l-oħra, l-inqas temperatura mkejla fi Frar li għadda kienet dik ta’ sebgħa punt erba’ gradi Celsius (7.4°C) fis-16 ta’ Frar. Kiesħa mhux ħażin, iżda mhi xejn ħdejn it-temperatura rekord ta’ wieħed punt seba’ gradi Celsius (1.7 °C) ta’ Frar tal-1956.
Frar jimla u jfawwar il-bjar, jgħid il-Malti, iżda żgur mhux din is-sena. Fil-fatt, fix-xahar li għadda, tkejlu biss tmienja u tletin punt sitt millimetri (38.6 mm) ta’ xita, jiġifieri tletin punt tliet millimetri (30.3 mm) inqas min-norma klimatika.
Aktar minn nofs ix-xita kollha, li tkejlet fix-xahar, niżlet f’temp ta’ 24 siegħa nhar l-24 ta’ Frar.
Frar kien ukoll iżjed xemxi mis-soltu, tant li matul ix-xahar tkejlu ftit aktar minn mitejn siegħa ta’ xemx jew tlettax punt erba’ sigħat xemxin iżjed min-norma.
Il-qawwa medja tar-riħ kienet kważi fl-istess livell tan-norma, waqt li fil-25 ta’ Frar tkejlet l-aktar buffura qawwija ta’ riħ b’ħamsa u erbgħin knot mill-Punent Majjistru.