L-iskejjel fi Franza se jagħlqu minn tal-inqas tliet ġimgħat bħala parti mir-restrizzjonijiet nazzjonali ġodda bit-tama li tiġi mrażżna l-imxija tal-COVID-19.
Il-miżuri ta’ lockdown li ġew fis-seħħ f’xi żoni fi Franza aktar kmieni dan ix-xahar ġew estiżi għal reġjuni oħra.
Il-ħwienet mhux essenzjali kollha se jagħlqu fil-jum tas-Sibt u persuni se jkunu projbiti milli jivvjaġġaw aktar minn 10 kilometri mid-dar tagħhom mingħajr raġuni valida.
Fil-jum tal-Erbgħa, il-Ministeru għas-Saħħa Franċiż irrapporta aktar minn 59,000 każ, b’5,000 persuna bħalissa tinsab fil-qasam tal-kura intensiva.