Il-Ministru tal-Ekonomija Franċiż, Bruno Le Marie, tkellem dwar l-importanza li l-bitcoin u l-crypto currencies jista’ jkollhom għall-ekonomija dinjija u talab li dawn jitpoġġew fuq l-aġenda tal-G20. Din hija l-laqgħa tal-iktar pajjiżi ekonomikament b’saħħithom fid-dinja.
Il-Ministru Le Marie żvela wkoll kif Franza se tibda taħdem fuq regoli għal cryptocurrencies biex tkun minn tal-ewwel fid-dinja fis-settur u biex tpoġġi l-Ewropa fuq quddiem tal-ekonomija diġitali.
Malta diġa’ nediet dawn ir-regoli tant li bħalissa qed ikunu diskussi. Għax sar hekk l-ikbar kumpanija fis-settur, bl-isem ta’ Binance, ħabbret li ġejja Malta tul l-aħħar jiem. Filwaqt li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, iddedika d-diskors tal-Ħadd biex ifihiem il-viżjoni tal-Gvern f’dan is-settur bl-opportunitajiet u l-isfidi li jġib miegħu.
Il-Ministru Le Marie tkellem fuq kif irid li l-Ewropa u d-dinja jgawdu mit-teknoloġija tal-blockchain. Iżda, qal li dan għandu jsir b’mod regolat. Saħansitra Le Marie ħatar eks deputat gvernatur tal-Bank Ċentrali Franċiż, bl-isem ta’ Jean Pierre Landau, biex imexxi missjoni dwar il-cyrptocurrencies.Bħalu tkellem il-Ministru tal-Ekonomija Spanjol Roman Escolano Olivares li tenna kif ma jarax li dan is-settur hu ta’ xi theddida għas-sistema finanzjarja li teżisti u appella biex l-Unjoni Ewropea ma toqgħodx tistenna ftehim madwar id-dinja qabel tirregola.
U l-viżjoni tal-Prim Ministru Malti mhux biss qed tkun segwita minn politiċi barranin iżda mfaħħra minn iktar operaturi fis-settur.
Justin Sun, il-Fundatur ta’ Tron Foundation, ikkonferma li l-kumpanija tiegħu se tespandi f’Malta u qal li jrid ikun parti mill-viżjoni tal-Gvern Malti li jibni dik li qed tissejjaħ blockchain island. Hawn ukoll isemma l-fatt li Malta hi fost tal-ewwel li tirregola s-settur bħala raġuni għaliex kienu attirati lejn pajjiżna