L-Assemblea Nazzjonali Franċiża vvutat favur l-estensjoni tal-istat ta’ emerġenza għal sitt xhur oħra. Dan il-pass ġie wara l-attakk terroristiku tal-ġimgħa l-oħra f’Nizza, fejn 84 persuna nqatlu u numru kbir ta’ nies weġġgħu meta trakk baqa dieħel ġo folla nies.
L-istat ta’ emerġenza kien imsejjaħ ukoll wara l-attakki terroristiċi li seħħew f’Pariġi f’Novembru li għadda, li ħalla 130 persuna mejta.
Il-Prim Ministru Manuel Valls qal li Franza għandha tistenna iktar attakki mdemmija minkejja l-prekawzjonijiet li qed jieħu l-Gvern.
Fid-dibattitu, huwa qal li Franza jeħtieġ li titgħallem tgħix bit-theddida. Sostna li dan ma kienx kliem faċli biex jgħidu, iżda kellu d-dmir li jgħidu.