Il-President Franċiż Emmanuel Macron għadu kif laħħaq lil Gabriel Attal bħala l-Prim Ministru ġdid fl-età ta’ 34 sena u b’hekk hu sar l-iżgħar Prim Ministru Franċiż fl-istorja.
Attal, li ħa post Élisabeth Borne wara li din għamlet biss 20 xahar isservi bħala Prim Ministru, se jkun qed imexxi l-gvern Franċiż għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
Din l-aħbar ġiet wara li l-aħħar sondaġġi bdew juru nuqqas ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Macron, u żieda fil-persentaġġi tal-partit tal-lemin estrem Marine Le Pen.
Gabriel Attal hu magħruf mal-poplu Franċiż bħala ministru b’ġudizzju politiku tajjeb fis-seduti parlamentari.
Aktar minn hekk, Attal serva bħala kelliem għall-gvern waqt il-pandemija u anke nvolva ruħu f’bosta programmi tar-radju.