Il-Gvern Franċiż ħabbar studju u riċerka simili għal dak li għandu fis-seħħ il-Gvern Malti dwar l-għasafar tal-għana, b’differenza li huma qed jagħmlu dwar l-alwett, il-pluvieri u l-venewa.
Kien il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li huwa wkoll responsabbli mill-qasam, li nnota dan permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Il-Ministru kiteb kif “nittama li l-Unjoni Ewropea tifhem l-argumenti tagħna, timxi bl-istess kejl mal-pajjiżi kollha irrispettivament mid-daqs u taħdem b’rieda tajba magħna biex nipproteġu dawn it-tradizzjonijiet tant importanti.”
Żied jgħid li “jiżbaljaw l-istituzzjonijiet Ewropej jekk jibqgħu jattakkaw it-tradizzjonijiet tal-pajjiżi diversi fi ħdana. Il-ġid u s-sapport tal-Unjoni jiddajjef ferm meta jaqbdu maċ-ċittadini ż-żgħar tagħha… dan kien ukoll messaġġ li wassalt ukoll lil President tal-Kummissjoni Ewropeja Ursola von der Leyen meta kienet fostna Għawdex.”
Bħalissa f’Malta wkoll hawn l-istaġun ta’ riċerka fuq is-seba’ speċijiet ta’ għasafar tal-għana miftuħ u li għandu miftuħ sal-20 ta’ Diċembru li ġej.
Minbarra hekk, mill-20 ta’ Ottubru sal-aħħar tas-sena se jkun miftuħ l-istaġun tal-insib tal-Malvizz. Dan filwaqt li, għall-Pluvieri, se jinfetaħ mill-1 ta’ Novembru sal-10 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.