It-tiratur veteran Frans Pace kellu ritorn mill-aqwa fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar wara nuqqas ta’ tmien snin biex rebaħ il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tat-Trap l-Erbgħa wara nofsinhar f’San Marino. Din fil-fatt kienet ir-raba’ midalja mirbuħa minn Pace f’dawn il-Logħob bl-aħħar waħda tkun fl-2009 f’Ċipru u t-tielet waħda tal-fidda bl-oħra tkun tal-bronż.
Il-midalja li rebaħ Pace kienet waħda minn tlieta tal-fidda u tnejn tal-bronż li ntrebħu mill-atleti Maltin fit-tieni jum tal-Logħob f’San Marino. Eleanor Bezzina rebħet midalja tal-fidda fl-10 meter Air Pistol waqt li midalja oħra tal-fidda ntrebħet mit-tim tat-table tennis tan-nisa ffurmat minn Viktoria Lucenkova u Jennifer Pace.
Iż-żewġ midalji tal-bronż intrebħu minn Rodney Żammit fil-kategorija 60 Kg tal-Judo u minn David Farrugia fis-singles tal-Boċċi (Raffa).
Kien hemm diżappunt għall-kontingent Malti fl-għawm fejn ma ntrebħet ebda midalja meta Andrew Chetcuti b’mod partikolari kien mistenni jniżżel ismu fost ir-rebbieħa tal-midalji.
Waħda mill-aqwa wirjiet fit-tieni jum tal-logħob kienet dik tat-tim tal-Basketball tan-nisa li kiseb rebħa konvinċenti fuq l-Islanda bl-iskor ta’ 68-49 u jinsab logħba biss ‘il bogħod milli jirbaħ id-deheb. Fil-fatt il-Ħamis il-Maltin jiffaċċjaw lil-Lussemburgu f’logħba li għandha tiddeċiedi r-rebħ tal-midalji tad-deheb u tal-fidda.
Rapport: Mario Saliba minn San Marino