Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli, kellu kliem iebes dwar il-mod kif tmexxa u qed jitmexxa l-Partit Nazzjonalista.
F’waħda mill-intervisti li fuq Net Television qed isiru mal-kontestanti kollha għat-tmexxija tal-PN Frank Portelli qal dak li Simon Busuttil kien jgħid li se jiġri lill-Partit Laburista, se jiġri lill-Partit Nazzjonalista.
Filwaqt li avża lill-preżentatur li se jixxokjah, Portelli qal li sar stħarriġ fl-aħħar jumejn li juri kif li kieku kellha ssir elezzjoni llum il-Partit Nazzjonalista imur agħar minn kif mar fit-tlieta ta’ Ġunju.
Il-kundanni fil-konfront tal-attitudni tal-Partit Nazzjonalista komplew fl-isfond li fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista attakka l-Imħallef Antonio Mizzi.
Portelli esprima d-diżaprovazzjoni għal atitudni li ħa Simon Busuttil u stqarr li messu mar il-Qorti u mhux jgħid li l-Imħallef se jaqtagħha kontra l-Partit Nazzjonalista.
‘Żballji kbar’ sostna Frank Portelli filwaqt li ma semmihiex b’isimha stqarr li ma jridx ikollu x’jaqsam mal-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia.