Waqt il-programm ‘Awla’ din il-ġimgħa, li ddiskuta s-suġġett tal-Kostituzzjoni Maltija, ġie mfakkar kif il-Maltin kellhom jiġġieldu matul iż-żminijiet biex illum għandna l-Kostituzzjoni kif inhi llum, għax wara kollox il-kostituzzjoni jsawruha n-nies stess tal-pajjiż.
Waqt din l-edizzjoni tal-programm fuq ONE, ippreżentat minn Luke Dalli, ħarġet ċara l-ħidma sfieqa li saret minn Gvern Laburista matul l-aħħar snin, fejn twettqu riformi tant bżonnjużi għall-pajjiż.
Dwar ir-riformi li twettqu, id-Deputat Edward Zammit Lewis spjega li Gvern Laburista, sa mill-2013 bil-mandati li kellu, beda jaħdem biex iwettaq ir-riformi siewja għal pajjiżna.
Qal, “Kemm Joseph Muscat, whistleblower, finanzjament tal-partiti, l-ewwel riforma tal-ġudikaturi, il-pensjoni, li kienu ilhom xi 30 sena jeqirdu, l-età tal-irtirar, sa 68, qabli dik, jiġifieri anke qabli saru affarijiet.”
Zammit Lewis, li kien il-Ministru responsabbli fl-2020, tkellem dwar l-aktar riformi fundamentali u maġġuri li saru. Semma li dawn il-bidliet seħħew fi żmien verament relattivament qasir, f’seba’ xhur.
Fakkar f’riformi importanti, bħal dik dwar il-finanzjament tal-partiti, ir-riforma tal-ġudikatura u l-ħatra tal-Presidenza tal-pajjiż, fost oħrajn.
Qal, “Wara l-15 ta’ Jannar tal-2020, (il-Prim Ministru Robert Abela) qalli mur u fl-ewwel sitt xhur daħħal ir-riformi maġġuri, fejn jidħol il-President u r-riforma tal-ġudikatura. U għamilniehom f’seba’ xhur.”
L-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono tkellem kemm hu minn dejjem kien favur li jsiru dawn ir-riformi. Fakkar kemm kien sab reżistenza mill-Partit Nazzjonalista ta’ GonziPN biex ikunu jistgħu jibdew jitwettqu r-riformi.
Qal, “Minflok dawk il-proposti raw il-validità tagħhom u implimentawhom, kien hemm in-nuqqas ta’ rieda u kien hemm biex jipprovaw isikktuk. Nirreferi għal persuna li għadni kif semmejt, kienet tispiċċa tattakkak biex tipprova tagħlaqlek ħalqek. Jiġifieri ħafna nies li llum, dal-glamouring, isma’ ejja nagħmlu riforma kostituzzjonali mhux illum u ilhom dan l-aħħar snin iridu jagħmlu riforma kostituzzjonali, meta jien kont qed nipproponi għar-riforma kostituzzjonali, dawn kienu qegħdin jipprovaw isikktuni”.
L-Avukat Debono stqarr li kien dan il-Gvern li, b’kuraġġ, ma beżax li jwettaq dawn ir-riformi u jimplimentahom.
Qal, “Il-verità hi li l-bulk tar-riformi, riformi kbar, naħseb l-ikbar pakkett ta’ riformi li sar mill-Indipendenza ’l hawn sar fl-2020”.