B’reazzjoni għal artiklu miktub mill-eks Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern Tonio Borg fuq it-Times, l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono fakkar li dak li kien ippropona dwar l-inkjesti maġisterjali l-istess Borg 19-il sena ilu kien kompletament differenti minn dak li qed jiġi propost mill-Gvern Laburista llum biex jinqatgħu l-abbużi.
Dr Debono indika li dak li ried l-eks Deputat Prim Ministru ta’ żmien GonziPN fl-2006 kien biss kontroll assolut għax il-ftuħ ta’ inkjesti minn ċittadini privati, l-ewwel kellhom bżonn il-permess tal-Prim Imħallef, daqslikieku maġistrat ma kellux l-għarfien biex jara li kien hemm ir-rekwiżiti meħtieġa.
Waqt li Debono jisħaq li dak li ried il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dakinhar kien stramb, wieħed jintebaħ li r-referenza hi għall-fatt li l-Prim Imħallef kien jinħatar direttament mill-Gvern tal-ġurnata, mhux bħal-lum, allura seta’ jirrestrinġi kif ried.
Għalhekk, Debono innota li, fl-2006, Borg u l-Gvern Nazzjonalista pprovaw jintroduċu kontroll assolut fuq kif iċ-ċittadini jitolbu inkjesti maġisterjali.
F’filmat fuq il-midja soċjali, l-avukat fakkar u kkwota dwar dak li kien qal Tonio Borg fl-2006 fil-Parlament dwar ir-riforma dak iż-żmien għal każi li wkoll kien sejħilhom eċċezzjonali.
“Qegħdin nipproponu wkoll, qed nikkwota, li meta inkjesta maġisterjali tibda mhux fuq inizjattiva tal-Pulizija jew tal-Avukat Ġenerali, ikun hemm bżonn il-permess tal-Prim Imħallef. L-Imħallef jawtorizza li ssir inkjesta maġisterjali anke mhux fuq talba tal-Avukat Ġenerali jew tal-Pulizija. Nemmnu li din hi xi ħaġa eċċezzjonali li ssir. Fil-fatt saret tliet darbiet safejn naf jien u naħseb li tajjeb li jkun hemm ċerta kontroll biex tibda inkjesta maġisterjali.”
L-Avukat Franco Debono
Iżda fl-artiklu tiegħu fit-Times it-Tnejn, Borg nesa x’qal hu stess u, minflok, akkuża lill-Gvern attwali li jrid jirrevedi s-sistema tal-inkjesti biex ikun jista’ jevita s-sorveljanza tal-Qorti.
Minflok, kif qabel ukoll Dr Franco Debono, it-tibdil propost illum il-ġurnata mill-Gvern hu li, biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali, trid tmur l-ewwel għand il-Pulizija, li għandhom l-għodda kollha biex tassew jinvestigaw, u b’hekk jiġi stabbilit li hemm almenu provi ammissibbli, jiġifieri li jkunu jistgħu jiġu aċċettati mill-Qorti.
U mhux jiġu ppreżentati talbiet għal inkjesti fuq sempliċi għajdut jew rapporti f’sezzjonijiet tal-midja, kif kien qed jagħmel b’mod abbużiv Jason Azzopardi fl-aħħar żmien.
Dr Franco Debono wkoll ikkwota lil Tonio Borg mill-2006 fejn kien ġab eżempju ċar ta’ inkjesti li jitqajmu b’mod frivolu miċ-ċittadini u li jista’ jkollhom konsegwenzi serji ħafna u allura ried il-kontroll li ssuġġerixxa dakinhar.
Borg kien argumenta li “Nista’ ngħid ‘Borg hu korrott, għax hekk nemmen u rċevejt rapporti f’dan is-sens, u tibda inkjesta. U wara sena li l-gazzetti jirrapportaw li jien suġġett ta’ inkjesta, l-Avukat Ġenerali jgħid ‘xejn minn dan ma kien minnu’.”
Fil-fatt, kif esprima fehmtu wkoll Dr Franco Debono, il-mod li bih il-Gvern Laburista jrid jirriforma s-sistema hu proprju biex din tirresponsabilizza l-mod kif jinfetħu inkjesti minn ċittadini privati, waqt li jitnaqqsu l-abbużi u jiżdiedu anke d-drittijiet tal-vittmi.
Id-dibattitu fil-Parlament dwar din ir-riforma se jibda t-Tlieta waranofsinhar.