Tfajla Franċiża ta’ 20 sena weġġgħet gravi wara li waqgħet f’xaft, ta’ madwar sular u nofs.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofs il-lejl, fi Triq Paceville, San Ġiljan.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li t-tfajla daħlet f’sit li fih għaddejjin xi xogħlijiet u waqgħet f’xaft.
Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew lit-tfajla u wara ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza.
Aktar tard hija kienet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.