Franċiża li dalgħodu kellha tattendi l-Qorti biex tingħata sentenza dwar attakk li għamlet fuq surġent tal-Pulizija ma attenditx għas-seduta u għalhekk is-sentenza li kellha tingħata fil-konfront tagħha ma setgħetx tingħata.
Catherine Marguerite Sophie Pernot Sprangers kienet mixlija d-29 ta’ Mejju 2013, għall-ħabta ta’ 16:45pm, ġewwa tal-Ibraġġ, Swieqi attakkat u kkaġunat feriti fuq surġent tal-Pulizija li kien qiegħed jesegwixxi mandat ta’ arrest ta’ Maġistrat għax ma kinitx tmur għas-seduti meta mħarrka.
Dalgħodu meta ssejħet il-kawża l-Maġistrat Joe Mifsud ġie infurmat li l-imputata Franċiża li għandha madwar sittin sena kienet telqet mill-pajjiż u kienet għal kura fi sptar.
Il-maġistrat Mifsud ordna biex sa ħmistax-il ġurnata oħra jkun preżentat ċertifikat mediku tal-imputata u l-Pulizija jieħdu l-passi biex jibdew proċeduri dwar ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li hemm fost l-oħrajn li l-imputata ma tistax tħalli dawn il-gżejjer.
Membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu qegħdin isegwu dan il-każ kienu qegħdin jistennew is-sentenza għaliex sostnew li min kien akkużat ipprova jdawwar il-każ b’ġuri fuq il-Pulizija.
Catherine Marguerite Sophie Pernot Sprangers mhux l-ewwel darba li kellha diżgwid mal-Pulizija fejn għandha atteġjament negattiv ħafna lejhom.
L-ispettur Luke Bonello mexxa l-każ u l-avukat Tonio Azzopardi qiegħed jidher għal Franċiża.