Ronan Clyde Hamill ta’ 25 sena u Paula Fernandez Romero ta’ 24 sena kellhom is-sentenza tagħhom imnaqqsa wara li kienu nstabu ħatja li taw xebgħa lil anzjan talli ġibdilhom ritratti iwettqu att vandalu.
Iż-żewġ żgħażagħ kienu kkaġunaw ħsara fuq karozza tat-tip Peugeot tal-Protezzjoni Ċivili nhar it-2 ta’ Mejju tal-2021, f’San Ġiljan.
L-anzjan spiċċa b’seba’ kustilji miksurin fost ġrieħi oħra li ġarrab.
Iż-żewġ żgħażagħ kienu kkundannati erba’ snin ħabs u ordnati jħallsu sitt elef ewro kull wieħed f’kumpens lill-anzjan.
Quddiem il-Qorti tal-Appell Hamill kellu s-sentenza ta’ ħabs ikkonfermata filwaqt li tnaqqsitlu l-ordni tal-kumpens b’€2,000.
Fil-konfront ta’ Romero, il-Qorti ddeċidiet li tnaqqas is-sentenza ta’ priġunerija bin-nofs għal sentejn filwaqt li naqqsitilha l-kumpens lill-vittma b’erba’ t’elef ewro għal elfejn ewro.
It-tnejn li huma ġew ordnati li jħallsu multa ta’ mitt ewro.